Legalizzazzjoni ta' Dokumenti

L-għan tat-Taqsima tal-Legalizzazzjoni hu li tipprovdi servizz effiċjenti u affidabbli lill-klijenti kollha li jeħtieġu li jillegalizzaw dokumenti uffiċjali.


Tipi ta’ Dokumenti


Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ (MFTP) jillegalizza:


  • Dokumenti oriġinali maħruġa minn Entitajiet Pubbliċi f’Malta, bħar-Reġistru Pubbliku, il-Malta Financial Services Authority (MFSA), il-Korp tal-Pulizija, u l-Università ta’ Malta, fost oħrajn; 
  • Kopji ta’ dokumenti vverifikati bħala kopji awtentiċi tad-dokumenti oriġinali minn Nutara, Avukati u Accountants/Awdituri pubbliċi ċċertifikati, rreġistrati mal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ;
  • Traduzzjonijiet: it-traduzzjonijiet ta’ dokumenti jiġu awtentikati biss meta l-firma tat-traduttur tkun irreġistrata mal-Ministeru.



Filwaqt li Artiklu 1(b) tal-Konvenzjoni tal-Aja li tabolixxi r-Rekwiżit ta’ Legalizzazzjoni għad-Dokumenti Pubbliċi Barranin (1961) jispjega li l-legalizzazzjoni ma tapplikax għal dokumenti kummerċjali u dwar negozju, iċ-ċertifikat tal-legalizzazzjoni/apostille jkun jista’ jinħareġ biss fuq il-premessa li dan ikun rekwiżit mill-istat li se jirċievi d-dokument. F’dan il-każ, il-klijenti għandhom isegwu l-proċedura li ġejja:


  • Dokumenti kummerċjali jinħarġilhom iċ-ċertifikat tal-legalizzazzjoni/apostille biss jekk id-dokument oriġinali jkun iffirmat u stampat minn uffiċjal tal-MFSA rreġistrat mal- MFTP;


  • Dokumenti ta’ negozju jinħarġilhom biss iċ-ċertifikat tal-legalizzazzjoni/apostille jekk id-dokument ikun ivverifikat minn prattikant legali, accountant pubbliku ċċertifikat, jew awditur, irreġistrati mal-Ministeru.



Informazzjoni dwar iċ-ċirkolazzjoni ta' ċerti dokumenti pubbliċi bejn l-iStati Membri

 

F’konformita’ mar-Regolament tal-UE li għandu l-għan li  jippromwovi l-moviment ħieles taċ-ċittadini, ċerti dokumenti pubbliċi u l-kopji ċċertifikati tagħhom huma eżentati mil-legalizzazzjoni u l-formalità tal-apostille fl-Unjoni Ewropea (UE) b’seħħ mis-16 ta' Frar 2019. Għal uħud minn dawn id-dokumenti (ara hawn taħt b'tipa skura) tista’ tintalab ukoll formola standard multilingwi biex jiġu evitati rekwiżiti ta' traduzzjoni u, fi kwalunkwe każ, traduzzjoni ċċertifikata magħmula fi kwalunkwe Stat Membru tal-UE għandha tkun aċċettata.

 

L-eżenzjoni mil-legalizzazzjoni u l-formalità tal-apostille tapplika biss għal dokumenti u l-kopji ċċertifikati tagħhom maħruġa mill-awtoritajiet pubbliċi ta' Stat Membru u ppreżentati lill-awtoritajiet pubbliċi ta' Stat Membru ieħor. Eżempji ta’ dawn huma:

  • dokumenti li joħorġu minn qorti jew minn uffiċjal tal-qorti;
  • dokumenti amministrattivi;
  • atti nutarili;
  • ċertifikati uffiċjali mqiegħda fuq dokumenti privati;
  • dokumenti diplomatiċi u konsulari.

 

Barra minn hekk, l-eżenzjoni tapplika biss għal dokumenti li jistabbilixxu wieħed jew aktar mis-sitwazzjonijiet elenkati hawn taħt. L-iskrizzjonijiet b'tipa skura jindikaw li hemm formola standard multilingwi disponibbli għal dawn id-dokumenti. Jekk jogħġbok innota li mhux il-formoli standard kollha jinħarġu fl-Istati Membri kollha.

  • twelid
  • mewt
  • persuna li tkun ħajja
  • isem
  • żwieġ, kapaċità biex tiżżewweġ u status ta' żwieġ
  • divorzju, separazzjoni legali jew annullament ta 'żwieġ
  • sħubija rreġistrata, kapaċità li tidħol fi sħubija reġistrata u status ta ‘ sħubija                                                rreġistrata
  • ix-xoljiment ta’ sħubija rreġistrata, separazzjoni legali jew annullament ta' sħubija rreġistrata
  • stat ta’ ġenitur jew adozzjoni
  • domiċilju u / jew residenza
  • nazzjonalità
  • nuqqas ta' rekord kriminali
  • il-kandidatura jew il-votazzjoni f'elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew jew f'elezzjonijiet muniċipali fi Stat Membru ieħor.


Formola standard multilingwi tista' tintuża biss fi Stat Membru ieħor u trid tiġi ppreżentata flimkien mad-dokument pubbliku li miegħu hija mehmuża.

 

Fejn Stat Membru jippermetti l-preżentazzjoni ta' kopja ċċertifikata ta' dokument pubbliku minflok l-oriġinal, l-awtoritajiet ta' dak l-iStat Membru għandhom jaċċettaw kopja ċċertifikata magħmula fl-iStat Membru fejn inħareġ id-dokument pubbliku.

 

Aktar informazzjoni dwar ir-Regolament u l-formoli standard multilingwi tista' tinkiseb mir-Reġistru Pubbliku fl-Aġenzija ta' Identity Malta https://identitymalta.com/public-registry/?lang=mt



Legalizzazzjoni tal-firem fuq dokumenti pubbliċi

 

Il-firma fuq dokumenti uffiċjali li jirrikjedu ċertifikat tal-legalizzazzjoni/apostille trid tkun firma oriġinali ta’ persuna bbażata f’Malta u li hi rreġistrata mal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ. Id-dokumenti jinħarġilhom ċertifikat tal-legalizzazzjoni/apostille hekk kif il-firma ta’ fuq id-dokument tiġi mqabbla ma’ dik li hemm fid-database tal-firmatarji tal-Ministeru.


Għalkemm il-Ministeru għandu database tal-firmatarji, id-dettalji ta’ dawn ma jistgħux jiġu żvelati lill-pubbliku. Dan għaliex  l-iskop tar-reġistrazzjoni huwa BISS li jitqabblu l-firem qabel mad-dokumenti jiġu legalizzati.


Hekk kif l-awtentiċità tal-firma tiġi vverifikata, id-dokument jiġi legalizzat billi jitwaħħal fuqu ċertifikat tal-Apostille jew ċertifikat tal-Legalizzazzjoni.


Dokumenti li se jintużaw f’pajjiżi li ma ffirmawx il-Konvenzjoni tal-Aja dwar ir-rikonoxximent ta’ ċertifikati tal-Apostille ikollhom bżonn ċertifikat tal-legalizzazzjoni mill-Ministeru.


Sussegwentement, dan id-dokument ikun irid jerġa’ jiġi legalizzat mill-ġdid (counter-legalised) minn rappreżentant tal-pajjiż fejn id-dokument ikun se jintuża. Din il-legalizzazzjoni tista’ issir f’Ambaxxati u Konsulati differenti f’Malta. F’każ fejn il-pajjiż ma jkollux rappreżentanza diplomatika f’Malta, il-klijent ikun irid jibgħat id-dokumenti lill-Ambaxxata barra minn Malta akkreditata għal Malta.


Il-klijenti li jgħixu barra minn Malta u li għandhom bżonn ċertifikati tal-legalizzazzjoni/apostille għandhom jikkuntattjaw lit-Taqsima tal-Legalizzazzjoni fuq id-dettalji t’hawn taħt.

 


Tariffi u Metodi ta’ Pagament

 

It-tariffa ta’ €20.00 tapplika għal kull dokument. Madanakollu, għal dokumenti personali, bħal ċertifikati maħruġa mir-Reġistru Pubbliku jew mill-Università, it-tariffa ta’ €12.00 tapplika għal kull dokument. Il-pagamenti jistgħu jitħallsu b’ċekk pagabbli lill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ, bi flus kontanti, jew b’karti ta’ debitu/kreditu.

 


Dokumenti tal-Adozzjoni

 

Dokumenti tal-Adozzjoni jiġu llegalizzati bla ħlas fuq preżentazzjoni ta’ covering letter maħruġa mill-Aġenzija tal-Adozzjoni.

 


Reġistrazzjoni tal-firem

 

Reġistrazzjonijiet ġodda ta' firem ikollhom perjodu ta' validità ta’ (3) tliet snin, mid-data tal-ewwel reġistrazzjoni. Xahar qabel l-iskadenza ta' dan it-terminu, kull firmatarju jiġi notifikat b’posta elettronika biex iġġedded l-applikazzjoni tiegħu / tagħha sakemm ma jkunx jixtieq li l-firma reġistrata titneħħa mid-database tal-Ministeru. Fin-nuqqas ta' tiġdid tar-reġistrazzjoni, il-firmatarji ma jibqgħux jiġu rikonoxxuti għal skopijiet ta' Apostille / Legaliżżazzjoni.

 

F’każ fejn professjonist jew persuna oħra maħtura tixtieq tirreġistra l-firma mal-Ministeru, għandha timtela l-Formola għall-Kampjuni tal-Firem, li tista’ titniżżel billi tagħfas hawn.


L-applikant għandu jippreżenta d-dokumenti li ġejjin flimkien mal-Formola tal-applikazzjoni:


  • Avukati u Nutara Covering letter, kopja tal-warrant, u kopja tal-karta tal-identità. F’każ fejn il-persuna tkun se tiffirma dokumenti f’isem il-kumpanija, il-formola tal-applikazzjoni għandha tinkludi covering letter bil-letterhead tal-kumpanija, iffirmata mill-Kap tal-Kumpanija.


  • Accountants Pubbliċi u Awdituri Covering letter, kopja tal-warrant, u kopja tal-karta tal-identità. F’każ fejn il-persuna tkun se tiffirma dokumenti f’isem il-kumpanija, il-formola tal-applikazzjoni għandha tinkludi covering letter bil-letterhead tal-kumpanija, iffirmata mill-Kap tal-Kumpanija.  


  • Kapijiet ta’ SkejjelCovering letter u kopja tal-karta tal-identità.


  • Kapijiet ta’ Skejjel Internazzjonali Covering letter, kopja tal-karta tal-identità, u ċertifikat maħruġ mill-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol.


  • Konsli / DiplomatiċiCovering letter u kopja tal-Karta Diplomatika.


  • Uffiċjali tal-Gvern Covering letter mis-superjur dirett u kopja tal-karta tal-identità.


  • TradutturiCovering letter, Degree fil-Lingwistika/Traduzzjoni, u kopja tal-karta tal-identità. F’każ fejn il-persuna tkun se tiffirma dokumenti f’isem il-kumpanija, il-formola tal-applikazzjoni għandha tinkludi covering letter bil-letterhead tal-kumpanija, iffirmata mill-Kap tal-Kumpanija.



Huwa importanti li wieħed jinnota li l-Ministeru jirriserva d-dritt li jirrifjuta l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tal-firem jekk l-applikant ma jkunx jissodisfa r-rekwiżiti għall-eliġibbiltà stabbiliti hawn fuq.



Servizz ta’ Eċċellenza


It-Taqsima tal-Legalizzazzjoni timpenja ruħha għal livell ta’ servizz eċċellenti, u tassigura li l-klijent:

  • jiġi moqdi b’korteżija u rispett;
  • jinqeda fl-iqsar żmien possibbli;
  • jingħata informazzjoni ċara u utli;
  • jiġi megħjun u mwieġeb b’mod effettiv f’każ ta’ ilment. 

 

Tista’ tgħinna nagħtuk servizz aħjar billi:

  • tiċċekkja f’liema pajjiż id-dokumenti se jintużaw;
  • tipprovdi traduzzjoni magħmula f’Malta, meta t-traduzzjoni tad-dokument tkun meħtieġa.
  • tara li l-kopji tad-dokumenti ġew iċċertifikati minn nutar jew avukat, f’każ li d-dokumenti jkunu kopji.



Kummenti u Ilmenti:

 

Is-sodisfazzjon tal-klijent huwa importanti ħafna għalina. Jekk m’intix sodisfatt bis-servizz tagħna, nistednuk tiġi l-uffiċċju sabiex tiddiskuti l-ilment, jew tikkuntattjana permezz tal-posta, tat-telefon, jew billi tibgħatilna imejl fuq consular.mftp@gov.mt

 

Kull kumment jinżamm kunfidenzjali, jiġi ttrattat minnufih, u nużawh sabiex intejbu s-servizz tagħna.

Jekk tixtieq tressaq ilment, l-ewwel ikkuntattja l-Uffiċjal li jkun qdiek. F’każ li t-tweġiba li tingħata ma tkunx kif mixtieq, tista' ċċemplilna jew tikkuntattjana fuq id-dettalji li ġejjin:


Taqsima tal-Legalizzazzjoni

Direttorat għas-Servizzi Konsolari

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni għal-Kummerċ

18,

Triq Zakkarija

Valletta VLT 1133


L-ilment tiegħek jiġi rikonoxxut minnufih u nagħtuk tweġiba sħiħa fi żmien tlett (3) ijiem tax-xogħol mid-data ta’ meta l-ilment jasal l-uffiċċju. Jekk għal xi raġuni tweġiba ma tkunx possibbli li tingħata fi żmien tlett ijiem tax-xogħol, aħna ninfurmawk u nagħtuk indikazzjoni ta' meta għandek tistenna tweġiba.



Il-Ħinijiet ta’ Ftuħ


Il-Ħinijiet ta' ftuħ huma mit-Tnejn sal-Ġimgħa mit-8:30am sa 12:00 (għal għaxar (10) dokumenti jew inqas).


Għal aktar minn għaxar (10) dokumenti, il-klijent għandu jitlob għal appuntament minn tal-inqas jumejn (2) ta’ xogħol qabel billi jċempel fuq +356 2204 2283. L-appuntamenti jsiru bejn 07:30 sa 08:15 jew bejn 13:15 sa 14:15.

 

 

© Il-Gvern ta’ Malta 2019

Indirizz
Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ
Palazzo Parisio
Triq Il-Merkanti
Valletta, VLT 1171
Malta

Telefown
2124 2191

Fax
2123 6604

Imejl