L-ewwel Business Forum bejn Malta u l-Bangladesh: esplorati opportunitajiet kummerċjali bejn iż-żewġ pajjiżi

Numru ta' Referenza:  , Data ta' l-Istqarrija : Lul 23, 2019
 

Video Link - https://www.youtube.com/watch?v=5HqMA9LItCs


L-ewwel Business Forum bejn Malta u l-Bangladesh sar illum bejn il-Minister għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ, Trade Malta u l-Kamra tal-Kummerċ, Intrapriżi u Industrija li kien immirat biex itejjeb ir-relazzjonijiet kummerċjali bejn iż-żewġ pajjiżi permezz ta’ aċċen fuq opportunitajiet reċiproki offruti mill-ambjent tan-negozju fiż-żewġ pajjiżi rispettivi. Il-Minsitru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ Carmelo Abela indirizza l-komunita’ tan-negozju li attendiet dan il-forum, li huma interessati biex jesploraw opportunitajiet ta’ kummerċ bejn Malta u l-Bangladesh.


Fl-indirizz tiegħu, il-Ministru Carmelo Abela rrimarka li dan il-Business Forum huwa prova ċara tal-progress li qed jiġi rreġistrat fit-tisħiħ tar-relazzjonijiet kummerċjali bejn iż-żewġ pajjiżi. Huwa tkellem fuq it-tkabbir ekonomiku b’saħħtu li ż-żewġ pajjiżi esperjenzaw fl-aħħar snin u nnota li r-relazzjonijiet kummerċjali bejn Malta u l-Bangladesh esperjenzaw żieda konsiderevoli, fejn il-kummerċ żdied minn madwar żewġ miljun ewro fis-sena bejn is-sena 2004 u l-2013, għal madwar ħames miljun ewro fl-aħħar ħames snin.


“Permezz tal-konnessjonijiet marittimi u anke dawk tal-ajru, Malta uriet abbilta’ ppruvata li sservi bħala hub loġistiku għall-Ewropa kif ukoll għall-Afrika. Konnessjonijiet b’saħħithom bħal dawn joffru potenzjal b’saħħtu għall-kollaborazzjoni, partikolarment għal kumpaniji li qed ifittxu modi effettivi biex jikkrejaw opportunitajiet għan-negozju fiż-żewġ kontinenti”, qal l-Onorevoli Abela. Huwa żied jgħid li r-rabtiet internazzjonali tan-negozju huma ffaċilitati permezz ta’ double taxation agreements li Malta għanda ma aktar minn 70 pajjiż, filwaqt li l-fatt li Malta hija membru tal-Unjoni Ewropea ifisser li hawn aċċess dirett għas-suq ħieles Ewropew.


Il-Ministru Abela rrefera għall-importanza tat-tiġdid ekonomiku ta’ Malta għall-ħidma tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ, l-Ambaxxati u kif ukoll il-Konsulati. Huwa enfasizza l-impenn tal-Ministeru tiegħu biex jippromovi l-Malta bħala destinazzjoni għan-negozju, l-kummerċ, it-turiżmu, is-saħħa u l-edukazzjoni, fost l-oħrajn.


Apparti hekk, Carmelo Abela wera l-appoġġ ta’ Malta fejn jidħol il-progress tar-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-Bangladesh. Huwa faħħar lill-Bangladesh għat-tkabbir ekonomiku b’saħħtu li rnexxielhom jilħqu, fejn fl-2019 dan kien ta’ 7% u nnota li similarment, Malta rat żieda fil-Prodott Gross Domestiku tagħha fejn issa hija wkoll l-aktar ekonomija li qed tikber b’rittmu mgħaġġel fl-Unjoni Ewropea.


Il-Ministru kkonkluda billi rrefera għaż-żewġ Memoranda ta’ ftehim li ġew iffirmati llum bejnu u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Bangladesh l-E.T Dr AK Abdul Moment. L-ewwel MOU kien jirrigwardja l-konsultazzjonijiet bilaterali bejn iż-żewġ pajjiżi, filwaqt li t-tieni wieħed jikkonċerna l- Mediterranean Academy of Diplomatic Studies li hija bbażata Malta u l-Bangladeshi Foreign Service Academy. Din is-sena timmarka l-40 sena mill-istabbiliment ta’ relazzjonijiet diplomatiċi bejn Malta u l-Bangladesh.


Il-Business Forum bejn Malta u l-Bangladesh kien indirizzat ukoll mill-Ministru tal-Affarijiet Barranin tar-Repubblika tal-Bangladesh Dr AK Abdul Moment, mill-Kummissarju Għoli għall-Bangladesh għar-Repubblika ta’ Malta l-E.T. MD Jashim Uddin, mill-Kap Eżekuttiv ta’ Trade Malta is-sur Anton Buttigieg, u mill-President tal-Kamra tal-Kummerċ, Intrapriżi u Industrija il-Perit David Xuereb.




IMG_7249.JPG



PER_7870 copy.jpg



PER_7927 copy.jpg