Studenti tal-arti b’esperjenza edukattiva fuq ir-restawr tal-pitturi ta’ Francesco Zahra u d-diplomazija kulturali

Numru ta' Referenza:  , Data ta' l-Istqarrija : Jan 07, 2020
 

Video Link: https://youtu.be/v4ftILdPtLo

 

Esperjenza edukattiva għal studenti tal-arti Maltin, bejn it-8 u sittax il-sena, li dalgħodu flimkien mal-ġenituri tagħhom iltaqgħu mar-restawratur Giuseppe Mantella u ingħataw lezzjonijiet fuq kif qed jitmexxa r-restawr ta’ arti fuq is-sett ta’ pitturi tal-artist rinomat Francesco Zahra. Bħalissa għaddej b’rittmu mgħaġġel ix-xogħol ta’ restawr fuq dawn is-sett ta’ sitt pitturi li jmorru lura għas-seklu tmintax u jirrapreżentaw xeni mit-Testment l-Antik u fl-istess waqt jinkludu riferenzi għal-Misteru Ewkaristiku.

 

Ix-xogħlijiet ta’ restawr qegħdin isiru taħt it-tmexxija tar-restawraturi Dott. Santa Guido u Giuseppe Mantella, restawraturi magħrufin u rispettati internazzjonalment wara xogħolijiet ta' restawr mwettqa kemm f'Malta, fl'Italja, kif ukoll il-Vatikan, fost oħrajn, ta' opri artistiċi importanti mill-inqas f'dawn l-ahhar 25 sena. B’dan il-għan inbena studio artistiku apposta fi ħdan il-binja tal-Ministeru, Palazzo Parisio fejn it-tim immexxi minn dawn ir-restawraturi qed jirrestawra bir-reqqa dawn l-opri li garbu hsara sostanzjali tul iz-zmien u li kellhom bzonn urgenti ta' intervent ta' restawr. 

 

Fl-aħħar xhur dawn il-pitturi tneħħew mill-post oriġinali tagħhom, igifieri mill-Oratorju tas-Sagrament fil-Knisja Arċipetrali taż-Żejtun, sabiex jingħataw lura il-glorja artistika u kulturali li jistħoqqilhom permezz ta’ proċess ta’ restawr li hu iffinazjat mill-Fond tad-Diplomazija Kulturali immexxi mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ.

 

Waqt din l-attivita’, l-istudenti tqassmu fi gruppi u ħadmu fuq settijiet ta’ canvas sabiex flimkien iffurmaw pittura relatata max-xogħol tal-artist Francesco Zahra. Waqt din l-attivita’ edukattiva, kull grupp għażel partijiet mill-pitturi tal-artist imsemmi u ħadmu bl-Acrylic paints li huwa meqjus bħala stil modern.

 

Il-Ministru Abela qassam ċertifikati lill-parteċipanti kollha u waqt l-intervent tiegħu fakkar fuq l-importanza tad-diplomazija kulturali, sabiex jibnew il-pontijiet bejn il-pajjiżi differenti. L-Onor Abela semma’ kif Francesco Zahra hu konsidrat bħala wieħed mill-iktar pitturi prominenti tas-seklu tmintax f’Malta. Għandu stil uniku li ġie influwenzat minn Mattia Preti u Caravaggio, fost oħrajn, izda mhux biss. Fil-fatt, għalkemm huwa Malti, huwa għandu personalità distinta minkeja l-influwenzi Taljani. 


Abela innota kif dan il-proġett se jkollu diversi riżultati pozitivi bħal, fost oħrajn, it-tkomplija ta' ħidma sabiex ikompli jigi valorizzat u promoss ix-xogħol ta' dan l-artist prominenti Malti, barra xtutna, f'dan il-kaz fl-Italja.


Ir-relazzjoni ta' Malta u l-Italja f'diversi oqsma b'mod speċjali fil-qasam artistiku huwa stat ta' fatt u dan ix-xogħol mistenni jkompli jippromovi r-relazzjonijiet kulturali bejn iż-żewġ popli. Huwa fakkar kif dawn il-pitturi kienu jinsabu fi stat ħażin ta’ konservazzjoni u kien hemm bżonn ir-restawr mill-iktar fis-possibbli sabiex jiġu salvagwardjati. 


Il-Ministru Abela ħabbar li sal-ewwel kwart ta’ din is-sena dan ix-xogħol ta’ restawr ser ikun tlesta, u il-pitturi flimkien ma dokumentarju fuqhom u l-proċess ta’ restawr ser jiġu trasportati lejn Ruma fejn ser jiġu esibiti. B’hekk dan il-pittur Malti mistennii jingħata espożizzjoni mill-aqwa barra minn Malta filwaqt li pajjiżna jikseb iktar viżibbiltà.

 

L-istudenti parteċipanti jattendu Agius Art School u kienu akkumpanjati mill-artist Carmel Agius.




IMG_0249.JPG 



AY5I0048.jpg 



AY5I0185.jpg 
 


AY5I0317.jpg