L-istrateġija wara t-tkabbir tar-Rappreżentanza Diplomatika Maltija madwar id-dinja, f’konformità mal-bżonnijiet tas-settur privat

Numru ta' Referenza:  , Data ta' l-Istqarrija : Nov 04, 2019
 

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ Carmelo Abela żar l-uffiċċji prinċipali tal-Grupp MEDSERV fil-Malta Freeport, Birżebbuġa, kumpanija li topera fl-industrija tas-servizzi taż-żejt u l-gass, b’reputazzjoni tajba fil-kummerċ estern fuq livell globali. Il-Ministru Abela ħabbar li l-istrateġija tal-Ministeru, wara l-espansjoni tar-Rappreżentanza Diplomatika Maltija madwar id-dinja, qed timxi f’konformità mal-bżonnijiet tas-settur privat.

Ic-Chairman tal-Grupp MEDSERV is-Sur Anthony S. Diacono laqa’ b’mod tajjeb l-investiment tal-Gvern fir-rappreżentazzjonijiet diplomatiċi ġodda fl-Amerika t’Isfel, f’Tokyo Ġappun u t-tisħiħ tal-preżenza Maltija fl-Afrika, hekk kif imħabbra fil-Baġit 2020. Huwa rrimarka dwar l-importanza tal-Ambaxxati Maltin f’kontinenti differenti għall-komunità tan-negozju. Huwa nnota li dan l-investiment se jħalli impatt pożittiv fuq kumpaniji interessati fil-promozzjoni tal-kummerċ madwar id-dinja. Huwa nnota kif MEDSERV qed titkellem mill-esperjenza, peress li l-kumpanija topera fl-Amerika tIsfel, l-Afrika ta Fuq, l-Ewropa u l-Lvant Nofsani u tħaddem aktar minn 400 impjegat. Huwa rrimarka li l-viżjoni tal-kumpanija hija li tkompli tikber fis-Sub Sahara Africa u fil-futur li gej diġa għandhom għajnejhom fuq l-Asja.

Is-Sur Diacono rringrazzja lill-Ministru Carmelo Abela għall-appoġġ kontinwu tiegħu u talli jikkunsidra l-bżonnijiet tal-kommunita’ kummerċjali Maltija fil-qasam tal-esportazzjoni. “Kull kumpanija Maltija li topera globalment 24/7, 7 ijiem fil-ġimgħa u 365 jum fis-sena, huwa importanti li jkollna l-appoġġ tal-Gvern. Aħna qatt ma nagħlqu. Nilqa’ l-approċċ li qed jittieħed mill-Ministru Abela għax int tinvolvina u tagħtina l-opportunità biex nitkellmu miegħek fuq l-isfidi li niffaċċjaw biex nesportaw madwar id-dinja ”, ikkonkluda s-Sur Diacono.

Fil-kummenti tiegħu, il-Ministru Abela qal li l-Gvern iqis is-settur tal-loġistika bħala importanti strateġikament għall-iżvilupp kontinwu tal-ekonomija. Huwa feraħ lil MEDSERV talli qed tikber b’mod diliġenti u kisbet reputazzjoni bħala sieħeb affidabbli għall-kumpaniji taż-żejt ewlenin madwar id-dinja. MEDSERV huwa mera tal-abbiltajiet u l-kapaċitajiet tal-Maltin fl-aspett kummerċjali, li tirnexxi mhux biss f'Malta iżda wkoll barra".

Huwa qal li esperjenzi pożittivi ta kumpaniji Maltin li kisbu success fejn jidħol il-kummerċ fuq livell internazzjonali bħal tal-MEDSERV iħallu effetti pożittivi fuq l-ekonomija tal-pajjiz. Dan kollu qed jafferma iżjed l-importanza li għandha d-diplomazija kummerċjali, għal iżjed opportunitajiet ta negozju barra minn xtutna.

Huwa kkonkluda billi assigura li s-sħubija bejn Trade Malta u l-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ se tkompli tappoġġja lill-komunità tan-negozju billi toffri servizzi u taħriġ lill-kumpaniji li qed jippjanaw biex ikunu internazzjonalizzati.

Din is-sena, MEDSERV se tiċċelebra l-45 anniversarju tagħha. Fl-2019, MEDSERV Grupp rebaħ il-premju dwar is-Swieq Emerġenti matul l-ewwel edizzjoni tal-Malta International Awards. Iżjed informazzjoni fuq il-kumpanija tista’ tinkiseb minn http://www.medservenergy.com/

​Filmat: https://youtu.be/zIq0OnWw9AA


pr192347a.jpg 
 

pr192347b.jpg 
 

pr192347c.jpg 
 

pr192347d.jpg 
 

pr192347e.jpg