Stqarrija mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ wara l-attakki mill-ajru fuq ċentru tad-detenzjoni tal-migranti f’Tajoura

Numru ta' Referenza:  , Data ta' l-Istqarrija : Lul 04, 2019
 

Ninsabu xxukkjati bl-aħbar dwar attakki mill-ajru fuq Tajoura, preċiżament fuq ċentru tad-detenzjoni  tal-migranti, liema attakk ħalla erbgħin ruħ mejta u għadd ta’ midruba.  Minn qalbna nwasslu l-kondoljanzi lill-familjari u l-ħbieb tal-vittmi li tilfu ħajjithom traġikament.

Dan l-attakk inuman u insensittiv ifakkarna fir-realtà kerha tas-sitwazzjoni umanitarja fil-Libja u l-bżonn ta’ azzjoni konkreta li nipprevjenu milli l-istess sitwazzjoni tkompli tiddeġenera.  Huwa imperattiv li migranti f’riskju fuq il-front tal-gwerra u f’żoni perikolużi jiġu mċaqilqa mill-aktar fis possibbli għal żoni iktar siguri taħt is-superviżjoni tal-uffiċjali tal-Ġnus Magħquda.

Nikkundannaw b’ikbar qawwa dawn l-atti ta’ vjolenza kontra persuni ċivili, migranti u refuġjati, u ntennu l-ħtieġa li kull parti involuta tieqaf minn tali vjolazzjoni tal-liġi internazzjonali umanitarja.

Quddiem din is-sitwazzjoni imwehra nsostnu l-bżonn ta’ waqfien mill-ġlied bejn il-partijiet involuti f’kordinazzjoni mal-Missjoni Speċjali tal-Ġnus Magħquda fil-Libja (UNSMIL).

F’riflessjoni tal-istqarrija maħruġa mir-Rappreżentanta Għolja Federica Mogherini u mill-Kummissarji Ewropej Johannes Hahn u Dimitris Avramopoulos, Malta ssejjaħ għal investigazzjoni immedjata mill-Ġnus Magħquda sabiex jinstab u jinżamm responsabbli min kien wara dan l-attakk sfaċċjat.