Fil-200 sena anniversarju mill-wasla tal-ewwel immigranti Maltin fil-Greċja, l-Onor. Abela jirrimarka kif id-dijaspora Maltija f’130 pajjiż, dejjem stinkat biex tikseb suċċess

Numru ta' Referenza:  , Data ta' l-Istqarrija : Ott 28, 2019
 

Din is-sena tfakkar il-200 anniversarju mill-wasla tal-ewwel immigranti Maltin fil-Greċja. F’din l-okkażjoni, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ Carmelo Abela laqa’ fil-Ministeru fil-Belt Valletta, l-E.T. Rev.do Sevastianos Rossolatos, Arċisqof ta 'Ateni u d-Delegazzjoni ta' oriġini Maltija mill-Organizzazzjoni tal-Karità Caritas ta' Ateni. Dan wara  Quddiesa li ġiet iċċelebrata fil-Kurja mill-Arċisqof ta’ Malta Monsinjur Charles J. Scicluna.

Il-Ministru Abela faħħar is-suċċessi li qed tilħaq id-dijaspora Maltija barra minn Malta. Fi kliemu, “fl-istorja twila tad-dijaspora Maltija, li llum hija preżenti f’aktar minn 130 pajjiż, il-Maltin dejjem għamlu l-almu tagħhom biex jiksbu suċċess. Sħabna l-Maltin ħadmu ħafna u rnexxielhom jiddistingwixxu ruħhom f'ħafna oqsma, inkluż in-negozju, il-kostruzzjoni, il-kultura, l-edukazzjoni, ix-xjenza, t-teknoloġija, il-mediċina, u x-xogħol missjunarju ”,

Il-Ministru Abela rrakkonta kif l-ewwel Malti magħruf li mar joqgħod il-Greċja fuq il-gżira ta’ Korfu jmur lura għall-1819, meta l-Gvernatur Brittaniku tal-Gżejjer Joniċi, Sir Thomas Maitland, iddeċieda li jibni mill-franka Maltija l-palazz ta’ San Mikiel u San Ġorġ .

L-Onor. Abela semma kif  riċentament huwa għamel żjara uffiċjali fil-Greċja. Huwa nnota kif fost il-Maltin li għamlu isem għalihom infushom, u għal Malta, fil-Greċja hemm l-Eks Sindku ta' Korfu, Sotiris Michalef, u l-Arċisqof Kattoliku preżenti ta' Korfu, Zante u Ċefalonia, Mons Ioannis Spiteris, li huwa parti mir-4 ġenerazzjoni ta’ oriġini Maltija.

Il-Ministru Abela rrimarka kif it-tema tal-Maltin li jgħixu barra, terminu li jħaddan kemm l-emigranti Maltin tal-ewwel ġenerazzjoni kif ukoll il-ħafna iktar nies ta’ wirt Malti mifrux madwar id-dinja, huwa qasam ta’ importanza kbira għal dan il-Ministeru. Huwa fakkar li f’Ottubru 2020, il-Ministeru responsabbli mill-Affarijiet Barranin se jorganizza l-5 Konvenzjoni għall-Maltin li jgħixu barra bit-tema "Keeping Connected". Dan l-avveniment, li jsir kull 5 snin, jgħaqqad liċ-ċittadini u d-dixxendenti Maltin biex jiddiskutu l-isfidi attwali u dawk futuri. Ir-riżultat imbagħad jifforma l-politika tal-gvern għad-dijaspora Maltija.

Preżenti għal din l-okkażjoni kien hemm ukoll l-Ambaxxatur taMalta għall-Greċja l-E.T. Joseph Cuschieri.​ 


OMAR4336 copy.jpg 


OMAR4381 copy.jpg 
 

OMAR4407 copy.jpg 
 

OMAR4416 copy.jpg 
 

IMG_1144.JPG