L-ebda alternattiva reali għal azzjoni globali immedjata u miftiehma dwar it-tibdil fil-klima

Numru ta' Referenza:  , Data ta' l-Istqarrija : Diċ 10, 2019
 

Filmat: https://med.ispionline.it/schedule/the-geopolitical-side-of-climate-change-resource-scarcity-and-conflicts/

It-theddidiet urġenti maħluqa mill-bidla fil-klima ma jistgħux jiġu indirizzati b’mod effettiv ħlief jekk il-partijiet interessati kollha, fosthom l-istati u s-settur privat, jaġixxu b’mod konċentrat issa. Dak li jiġri f’parti waħda tad-dinja, bħall-Artiku, jaffettwa - jew se jaffettwa - partijiet oħra bħall-Mediterran, u għalhekk m’hemm l-ebda alternattiva reali għal azzjoni globali fil-pront. Bħala komunità globali hu imperattiv li nirrikonoxxu mingħajr aktar dewmien li jeżistu soluzzjonijiet fattibbli u nittraduċu kliemna f’azzjoni billi noffru l-finanzjament meħtieġ u riżorsi oħra biex it-tweġiba meħtieġa sseħħ mingħajr aktar dewmien.

Dan kien il-messaġġ ewlieni li ngħata mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ Carmelo Abela f’diskussjoni tal-bord dwar ‘In-Naħa Ġeopolitika tat-Tibdil fil-Klima: l-Iskarsezza tar-Riżorsi u l-Kunflitti” li saret matul il-5 edizzjoni tad-Djalogi Med-Mediterranji f’Ruma. Imniedi fl-2015 id-Djalogi Med-Mediterranji hi inizjattiva annwali ta’ livell għoli promossa mill-Ministeru Taljan għall-Affarijiet Barranin u l-Kooperazzjoni Internazzjonali u l-ISPI (Istitut Taljan għall-Istudji Politiċi Internazzjonali) bil-għan li naħsbu mill-ġdid l-approċċi tradizzjonali għall-Mediterran li jikkumplimentaw l-analiżi  ta’ sfidi kurrenti b’ideat u b’suġġerimenti ġodda u abbozz ta’ aġenda pożittiva ġdida.

Il-Ministru Abela qal li t-tibdil fil-klima jeħtieġ li jiġi trattat b’mod komprensiv, inkluż mill-aspett tas-sigurtà u ekonomiku, filwaqt li jżomm f’moħħu li l-isfidi relatati mat-tibdil fil-klima jipprovdulna wkoll opportunitajiet li minnhom kulħadd jista’ jibbenefika. Dwar il-migrazzjoni umana li tista’ sseħħ ukoll minħabba l-bidla fil-klima, il-Ministru Abela enfasizza l-ħtieġa li “tibni ekonomiji, mhux ħitan” fil-pajjiżi ta’ oriġini filwaqt li taġixxi b’mod serju fuq it-tibdil fil-klima.

Kelliema oħra fuq il-bord li kienet moderata minn Andrea Cabrini, editur maniġerjali tal-fergħa Taljana ta’ CNBC, kienu Karim El Aynaoui, President taċ-Ċentru tal-Politika għan-Nofsinhar il-Ġdid; Patrizia Grieco, President tal-ENEL; Nasser Kamel, Segretarju Ġenerali tal-Unjoni għall-Mediterran; u Francesco La Camera, Direttur Ġenerali tal-Aġenzija Internazzjonali għall-Enerġija Rinnovabbli (IRENA). Din kienet it-tieni sena konsekuttiva li fiha l-Ministru Abela pparteċipa fid-djalogi MED-Mediterranji.

Fil-marġini tal-avveniment internazzjonali, il-Ministru Carmelo Abela ltaqa’ ma’ Riyad al-Maliki, Ministru tal-Affarijiet Barranin u l-Expatriati tal-Palestina, biex jiddiskutu kwistjonijiet ta’ interess bilaterali u reġjonali kif ukoll dwar l-irwol ta’ Malta u tal-Unjoni Ewropea fil-Lvant Nofsani. Sar ukoll skambju ta’ fehmiet ma’ Pierre Heilbronn, il-Viċi President tal-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (EBRD), li miegħu ffoka fuq l-Arkitettura Finanzjarja Ewropea għall-Iżvilupp, prijoritajiet għall-Qafas Finanzjarju Multiannwali tal-UE li jmiss, u l-EBRD aġenda strateġika. Il-Ministru Abela rċieva wkoll lill-Kummissarju Għoli Kanadiż għal Malta, residenti Ruma, Alexandra Bugailiskis. Huma skambjaw fehmiet dwar kwistjonijiet ta’ interess bilaterali, opportunitajiet ta’ kummerċ u d-dijaspora Maltija fil-Kanada.

F’Ruma l-ministru kien akkumpanjat mill-Ambaxxatriċi ta’ Malta għall-Italja Vanessa Frazier.


pr192607a.jpg 

Minister Carmelo Abela during the panel discussion on the Geopolitical Side of Climate Change


pr192607b.jpg

Minister Carmelo Abela taking note of a point made by Nasser Kamel, Secretary General of the Union for the Mediterranean, during the panel discussion


pr192607c.jpg

Minister Carmelo Abela, together with other high level guests, at the opening session of the Med-Mediterranean Dialogues