Disa kumpaniji Maltin Finalisti fil-‘European Business Awards’ li nżammu f’Varsavja, il-Polonja

Numru ta' Referenza:  , Data ta' l-Istqarrija : Diċ 10, 2019
 

Nhar l-4 ta’ Diċembru, l-ambaxxatur ta’ Malta fil-Polonja, Dr. John Paul Grech, ingħaqad mas-CEOs, fundaturi jew diretturi ta’ disa kumpaniji Maltin li ġew klassifikati finalisti ghall-‘European Business Awards 2019’ – l-aktar manifestazzjoni prestiġjuża għar-rikonoxximent fil-kummerċ fl-Ewropa – waqt ċeremonja li nżammet fil-Hilton Warsaw Hotel & Convention Centre, f’Varsavja, il-Polonja.


l-kumpaniji Maltin li ġew klassifikati bħala finalisti minn Malta u magħzula minn fost 150,000 kumpanija mill-Ewropa kollha, huma:


  • AquaBio Tech Group – jispeċjalizzaw fl-Akwakultura u Riċerka Marittima.
  • BRND WGN – jispeċjalizzaw fil-‘Marketing’.
  • CasaSoft Ltd. u KnowMeNow – jispeċjalizzaw fit-teknologija tal-IT.
  • OZO Group of Companies Ltd. – jispeċjalizzaw fl-Industrija tas-Servizzi.
  • QGen Group Ltd. – jispeċjalizzaw fis-Servizzi Finanzjarji
  • QLZH Group – jispeċjalizzaw fl-industrija tal-Kostruzzjoni u Propjeta
  • RS2 Software p.l.c. – jispeċjalizzaw fl-industrija tal-Informazzjoni u Komunikazzzjoni.
  • STM Malta – jispeċjalizzaw fis-Servizzi Finanzjarji


L-ambaxxatur Grech esprima l-apprezzament tiegħu għall-fatt li dawn il-kumpaniji rnexxhielhom jiġu klassifikati bħala ‘National Winners’ minn Malta, tragward li jirrifletti l-isforz straordinarju li kull waħda minnhom kienet qiegħda tinvesti sabiex dejjem tgħolli l-istandards tal-intrapriżi rispettivi tagħhom.


Fl-iskambju li kellu magħhom, l-ambaxxatur Grech faħħar l-entużjażmu u l-impenn tagħhom sabiex jegħlbu l-isfidi li n-negozji tagħhom jiltaqgħu magħhom kuljum.  Huwa saħaq li dan l-entużjażmu għandu jibqa jiġi sostnut, kif ukoll għandhom jibqgħu tenaċi sabiex jtejbu kontinwament l-prodott tagħhom u jiksbu aktar suċċessi.


L-ambaxxatur Grech saħaq dwar l-importanza li dan il-Gvern qiegħed jaghti lill-promozzjoni tal-kummerċ fil-politika internazzjonali tiegħu. Huwa emfasizza kemm, tul dawn l-aħħar snin, saret importanti l-politika tal-promozzjoni tal-kummerċ fil-kuntest tal-miri tal-politika barranija tal-Gvern.  Semma kif dan huwa wieħed mill-messaġġi ewlenin li ilu jisħaqa dwaru l-Ministeru tal-Affarijiet Barranin w l-Promozzjoni tal-Kummerċ mal-intraprizi lokali u barranin.


L-organizzaturi kellhom kliem ta’ tifħir għall-impenn, vizjoni u ‘standards’ milħuqa din is-sena mill-kumpaniji li ġew ‘short-listed’, inkluzi dawk Maltin - kwalitajiet li dehru tul il-panels ta’ prova li għaddew minnhom l-kumpaniji kollha waqt il-fazijiet tal-ġurija li wasslu sabiex intrebħu l-‘awards.’


Il-kumpaniji Maltin kkumentaw dwar l-importanza ta’ dawn l-esperjenzi li permezz tagħhom ikunu jistgħu jiltaqgħu ma’ rapprezentanti ta’ uħud mill-aqwa kumpaniji zgħar u medja fl-Ewropa, magħhom jaqsmu idejat, jistabbilixxu kuntatti u jitghallmu mill-aqwa novitajiet li jkunu qiegħdin jiġu applikati fid-diversi oqsma tal-intraprizi tagħhom.