Tismija Tas-Sala Dom Mintoff Fi-Binja Tal-Ministeru Tal-Affarijiet Barranin U L-Promozzjoni Tal-Kummerċ

Numru ta' Referenza:  , Data ta' l-Istqarrija : Aww 07, 2019
 

Dokumentarju: Dom Mintoff u l-politika barranija - https://www.youtube.com/watch?v=yHC9iGaR_zk


Fl-anniversarju mill-103 sena mit-twelid ta’ Dom Mintoff, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ Carmelo Abela, fil-binja tal-Ministeru f’Palazzo Parisio, inawgura sala iddedikata għal memorja tal-perit Mintoff. Bejn l-1971 u l-1981 huwa serva bħala t-tieni Ministru tal-Affarijiet Barranin ta’ Malta Indipendenti u bħala l-ewwel Ministru tal-Affarijiet Barranin ta’ Malta Repubblika u Ħielsa. Fid-diskors tal-inawgurazzjoni il-Ministru Abela tenna “Għadna sal-lum – tmur barra minn Malta u spiss, meta ssemmi lil Malta, minn fomm dak li jkun jitlissen isem wieħed: Mintoff. Kemm f’ħajtu kif ukoll wara mewtu, huwa wieħed minn dawk il-personalitajiet li jew tħobbhom jew ma tniżżilhomx – iżda li ċertament ma tistax tkun indifferenti dwarhom”. 


Il-Ministru Abela fakkar kif Dom Mintoff kien isegwi żewġ prinċipji fundamentali fir-relazzjonijiet ta’ Malta ma’ pajjiżi barranin li kienu li Malta tgħin lil pajjiżi oħra sabiex fid-dinja u speċjalment fil-Mediterran issaltan il-paċi u li l-politika barranija ta’ Malta tintuża biss bħala strument biex itejjeb il-ħajja tal-poplu Malti.


Il-Ministru Abela żied jgħid lit-tismija ta’ sala għal Dom Mintoff mhux sempliċiment it-twaħħil ta’ lapida iżda din hija mod kif, kull meta nirreferu għas-sala, jew nidħlu fiha għal laqgħa jew oħra, niftakru fil-valuri u l-viżjoni ta’ Dom Mintoff fil-qasam tal-affarijiet barranin, tkellem Abela. F’dan ir-rigward huwa rrefera għall-importanza li Dom Mintoff kien jagħti lil paċi fis-sigurta’ fil-Mediterran għal paċi fl-Ewropa, l-ħbiberija mal-pajjiżi u l-ġnus kollha madwar id-dinja, it-tkattir tal-ġid u tax-xogħol permezz tal-kummerċ u l-investiment bejn pajjiżi u popli ħbieb. Dan flimkien mad-determinazzjoni li huwa kien juri li minkella li Malta m’hix pajjiż kbir xorta tagħti kontribut reġjonali u internazzjonali ferm ikbar milli wieħed kien jistenna minn pajjiż ta’ dan id-daqs. Fuq kollox, ikkonkluka Abela “il-bżonn li l-politika barranija tagħna tkun għodda fejjieda għall-ħarsien u l-promozzjoni tal-interessi tal-Maltin u l-Għawdxin, kemm dawk li jgħixu hawn kif ukoll dawk imxerrdin mal-erbat irjieħ tad-dinja”.


Il-Ministru Abela ħabbar li fil-jiem li ġejjin, se tiġi vara kompetizzjoni għal biċċa xogħol artistika li eventwalment se titpoġġa fis-Sala Dom Mintoff bħala tifikira dejjiema ta’ dan il-Ministru tal-Affarjiet Barranin ta’ Malta u tal-legat tiegħu. Il-kumitat, li se jkun qed jieħu ħsieb din l-inizjattiva, u li diġà beda bix-xogħol preparatorju huma magħmul miċ-Chairman, Dr Anthony De Giovanni, Dr Sharon Scicluna, is-Sur Anthony Spagnol,  is-Sur Joseph Barbara, u s-Sur Pierre Portelli.


Waqt din is-serata saret ukoll diskussjoni dwar l-isidi tas-sigurta’ fil-Mediterran flimkien mas-Sur Aleks Farrugia, il-Prof. Godfrey Pirotta, u l-Prof. Carmen Sammut. It-tema ġiet imnebbħa mit-twemmin dikjarat u implimentat ta’ Dom Mintoff, li jekk ma jkunx hemm paċi u sigurtà fil-Mediterran mhux se jkun hemm paċi u sigurtà la fl-Ewropa u lanqas fid-dinja.​ 



JER_1681 copy.jpg


JER_1695 copy.jpg


JRW_5753 copy.jpg


IMG_2559.JPG


IMG_3288.JPG