Jum In-Nazzjonijiet Magħquda 2019 - Il-Ministru Carmelo Abela jenfasizza d-deċiżjoni ta’ Malta li tiddikjara emerġenza fil-klima, iħeġġeġ pajjiżi akbar biex jagħmlu aktar fejn jidħol it-tibdil fil-klima

Numru ta' Referenza:  , Data ta' l-Istqarrija : Ott 24, 2019
 
October 24 PIC UN DAY.jpg 
 

L-24 ta’ Ottubru huwa l-jum fejn 193 pajjiż jingħaqdu flimkien biex jiċċelebraw u jirriflettu fuq il-kisbiet tan-Nazzjonijiet Magħquda, li jfakkru l-jum minn meta l-Karta tan-Nazzjonijiet Magħquda daħlet fis-seħħ. It-tema magħżula għall-Jum tan-Nazzjonijiet Magħquda 2019 hija ‘Il-pjaneta tagħna, il-futur tagħna’, li ġiet ikkaratterizzata bħala l-kwistjoni li tiddefinixxi ż-żmien tal-lum.

Fil-kommemorazzjoni ta’ din l-okkażjoni, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ Carmelo Abela qed juri l-appoġġ sħiħ għas-sejħa li għamel is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda António Guterres, li jsejjaħ lil kulħadd biex jieħu azzjoni biex inaqqas l-effetti devastanti tat-tibdil fil-klima.

Il-Ministru Abela rrimarka kemm hu konxju bis-sħiħ tal-gravità tat-tibdil fil-klima, fejn fit-22 ta’ Ottubru 2019, il-Parlament ta' Malta b'mod unanimu iddikjara emerġenza għat-tibdil fil-klima, u talab għall-azzjoni f’dan ir-rigward.

Huwa rrakkomanda lil pajjiżi oħrajn biex jinnutaw il-vot u l-pożizzjoni li ħa l-parlament Malti u ħeġġeġ lill-oħrajn, speċjalment lill-pajjiżi l-kbar, biex jagħmlu aktar dwar din il-kwistjoni.

“Il-kwistjoni tat-tibdil fil-klima hija kwistjoni urġenti u għandna bżonn li nieħdu miżuri urġenti b’mod kollettiv. L-azzjoni titkellem aktar qawwi mill-kliem,” qal il-Ministru Abela.

Huwa fakkar kif reċentement, f’Awwissu 2019, Malta ħadet rwol ta’ tmexxija fuq il-kwistjoni tal-governanza internazzjonali tal-oċeani u, apparti n-Nazzjonijiet Magħquda, ġabret flimkien ukoll lill-Commonwealth u l-Kummissjoni Ewropea biex jiddiskutu bħala tliet istituzzjonijiet madwar mejda waħda, mal-Ambaxxaturi tal-Oċeani, il-protezzjoni ta’ l-ibħra u l-isfida tal-ispazju tal-oċeani.

Huwa stqarr li Malta mhijiex ġdida fix-xena tat-tibdil fil-klima, peress li minn meta ssieħbet fin-Nazzjonijiet Magħquda fl-1964, hija dejjem mexxiet b’suċċess diversi inizjattivi lejn il-kwistjoni tat-tibdil tal-klima.

Meta ikkummenta dwar il-kisbiet ta’ Malta fil-livell tan-Nazzjonijiet Magħquda, il-Ministru Carmelo Abela rrimarka li, hekk kif jersaq il-55 anniversarju minn meta ssieħbet fl-organizzazzjoni, Malta hija membru kburi u sostenitur qawwi tal-prinċipji tan-Nazzjonijiet Magħquda. “Malta temmen f’multilateraliżmu sod, u dejjem ħadet approċċ proattiv għall-isforzi multilaterali,” qal il-Ministru.

Huwa żied kif, bħala pajjiż żgħir, Malta tifhem bis-sħiħ li l-kooperazzjoni, fost il-pajjiżi kollha, irrelevanti mid-daqs u l-lok ġeografiku rispettiv tagħhom, hija ċ-ċavetta għas-suċċess. Huwa enfasizza li Malta tibqa’ impenjata favur u tiffavorixxi r-rakkomandazzjoni mill-ġdid għal ordni internazzjonali multilaterali, ibbażata fuq ir-regoli.

Fil-fatt, huwa ddikjara li Malta hija wkoll membru tal-Alleanza għall-Multilateraliżmu, inizjattiva riċenti li għandha l-għan li ġġedded l-impenn globali biex tistabbilizza l-ordni internazzjonali bbażata fuq ir-regoli, iżżomm il-prinċipji tagħha u taddatta, fejn meħtieġ.

Bħala konklużjoni, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ Carmelo Abela rrimarka li hekk kif fl-2020 in-Nazzjonijiet Magħquda miexja ‘l quddiem biex tiċċelebra l-75 anniversarju tagħha, huwa jissieħeb fis-sejħa tas-Segretarju Ġenerali António Guterres, li mill-bidu tal-mandat tiegħu f’Jannar 2017 għamel proposti għar-riforma tan-Nazzjonijiet Magħquda. Il-Ministru qal li jaqbel mal-għanijiet ta’ Guterres għal riforma tan-Nazzjonijiet Magħquda tas-seklu 2,1 li tiffoka aktar fuq in-nies u inqas fuq il-proċess, aktar fuq il-kunsinna u inqas fuq il-burokrazija.

Il-Ministru Abela nnota l-kliem ta’ Guterres li, “il-vera test ta' riforma se jitkejjel b’riżultati tanġibbli fil-ħajja tan-nies li naqdu - u l-fiduċja ta’ dawk li jappoġġjaw ix-xogħol tagħna”.

L-24 ta' Ottubru jimmarka l-jum meta l-Karta tan-Nazzjonijiet Magħquda daħlet fis-seħħ fl-24 ta' Ottubru 1945. Pajjiżi li jagħmlu parti min-Nazzjonijiet Magħquda jimpenjaw ruħhom li jżommu l-paċi u s-sigurtà internazzjonali, biex jipproteġu d-drittijiet ugwali, u biex jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali għal kulħadd, mingħajr distinzjoni rigward ir-razza, is-sess, il-lingwa jew ir-reliġjon.