“L-intoleranza bbażata fuq ir-reliġjon trid tiġi sfidata permezz ta’ djalogu”- Carmelo Abela

Numru ta' Referenza:  , Data ta' l-Istqarrija : Lul 22, 2019
 

“L-intoleranza bbażata fuq ir-reliġjon trid tiġi sfidata permezz ta’ djalogu u dibattitu mhux billi jingħalqu l’bibien lil barrani”. Dan kien irrimarkat mill-Ministru tal-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ Carmelo Abela waqt li kien qed jipparteċipa fit-tieni laqgħa ministerjali annwali fuq il-liberta’ tar-reliġjon ġewwa Washington DC organizzata mid-Dipartiment tal-Istat Amerikan.

Waqt l-intervenzjoni tiegħu, l-Ministru insista li Malta qed taħdem sabiex tindirizza l-intoleranza lejn ċerti reliġjonijiet u twemmin. “Malta hija kommessa li tipproteġi d-drittijiet tal-bnedmin kollha, b’mod partikolari tal-gruppi minuri u individwi li jsibu lilhom infushom f’sitwazzjonijiet vulnerabbli. Din il-ħidma hija r-riżultat ta’ diversi snin ta’ tħabit ma numru ta’ persuni li qed ifittxu l-ażil u refuġjati li jaslu fuq ix-xtut tagħna. Malta għadha qed tindirizza din l-isfida”, qal il-Ministru Abela.

Huwa semma’ kif fuq livell nazzjonali Malta qed taħdem biex jiġi imwaqqaf istitut nazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, f’konfomita’ mal-Prinċipji ta’ Pariġi. Huwa spjega kif f’dan ir-rigward żewġ inizzjattivi ġew imħabbra li huma l-Kummissjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Ugwaljanza u l-Att dwar l-Ugwaljanza. Huwa nnota kif l-imsemmija Kummissjoni se tkun tista tassigura ugwaljanza u non-diskriminazzjoni fuq diversi oqsma fl-isferi kollha tal-ħajja. Dan filwaqt li l-att huwa intenzjonat li jindirizza diskriminazzjonijiet diversi u diskriminazzjoni strutturata.

Il-Ministru Abela semma’ kif il-leġislazzjoni nazzjonali li tiġġieled l-inċitament għal mibegħda razzjali u formi oħra ta’ diskors ta’ mibegħda diġa ġiet imtejba sabiex tinkludi l-protezzjoni ta’ persuni barranin u persuni oħra minn dawn it-tipi ta’ reati. Il-Gvern qed jieħu miżuri sabiex isaħħaħ il-kultura ta’ inklużjoni, diversita’ u non-diskriminazzjoni.

Huwa rrefera’ għal attivitajiet traġiċi li seħħew riċenti fi New Zealand, Sri Lanka u emfasizza li dawn għandhom ifakkruna li rispons kollettiv u globali hu meħtieġ. Huwa appella lill-komunita’ internazzjonali sabiex issaħħaħ l-isforzi tagħha biex tiġi indirizza l-isfida globali ta’ vjolenza extrema u mibegħda flimkien mal-ġlieda kontra t-terroriżmu.

F’dan ir-rigward il-Ministru Abela emfasizza li l-pajjizi għandhom jibqgħu magħqudin u determinati fl-intenzjoni tagħdom hekk kif l-ammont ta’ attivitajiet traġiċi riċenti relatati ma żieda anti-semitiżmu, il-fundamentaliżmu, l-estremiżku u reati ta’ mibegħda bbażżati fuq mottivi reliġjużi qegħdin jiżdiedu.

“Nemmnu li l-liberta’ tar-reliġjon jew twemmin m’għandhomx ikunu affetwati mill-politika jew attitudni soċjali. Hija parti mill-irwol ta’ kull stat li jassigura li din ma tiġrix”, żied il-Ministru Abela. Huwa kkonkluda fuq in-nota li Malta ser tkompli tippromwovi il-liberta’ tar-reliġjon u t-twemmin għal persuni kollha u se topponi kull tip ta’ diskriminazzjoni, prosekuzzjoni u vjolenza, inkluż dik ibbażżata fuq ir-reliġjon jew twemmin”. 


pr191610a.jpg


freedom .jpeg