Il-Ministru Carmelo Abela flimkien mal-Ministri tal-Affarijiet Barranin Ewropej jiddiskutu kwistjonijiet urġenti fuq l-aġenda internazzjonali

Numru ta' Referenza:  , Data ta' l-Istqarrija : Nov 13, 2019
 

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ Carmelo Abela pparteċipa fil-Kunsill tal-Affarijiet Barranin ta’ nhar it-Tnejn 11 ta’ Novembru, ippresedut mir-Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà Federica Mogherini fejn ġew diskussi kwistjonijiet urġenti dwar l-aġenda internazzjonali. 

Dan inkluda skambju ta’ fehmiet dwar l-Afganistan wara l-elezzjoni presidenzjali riċenti. Il-Kunsill iddiskuta s-sitwazzjoni tas-sigurtà reġjonali fil-Golf u fl-Iran, b’riflessjoni dwar il-modi kif l-UE tista’ tikkontribwixxi għall-istabbilizzazzjoni tagħha. Il-ministri tal-affarijiet barranin iddiskutew ukoll is-Sudan, qabel ma ngħaqad magħhom il-Prim Ministru Sudaniż Abdalla Hamdok għal ikla ta’ ħidma.

Dwar l-iżviluppi inkwetanti u t-tensjonijiet li qed jiżdiedu fil-Golf, il-Ministru Abela reġa’ semma l-ħtieġa urġenti li l-partijiet kollha jrażżnu lilhom infushom u jevitaw atti li jistgħu jikkontribwixxu għal eskalazzjoni. Qal li “huwa kruċjali għall-komunità internazzjonali kif ukoll għall-atturi reġjonali relevanti li jiffaċilitaw id-djalogu u jappoġġaw kwalunkwe inizjattiva u miżuri li joħolqu l-fiduċja li jixprunaw id-de-eskalazzjoni, l-isforzi medjatorji u s-sigurtà fir-reġjun. Din hija l-unika triq li tnaqqas it-tensjonijiet fir-reġjun”. Huwa essenzjali li l-libertà tat-tbaħħir, inklużi fl-Istrett ta’ Hormuz u fil-Baħar l-Aħmar, tkompli tkun assigurata. It-trasport marittimu jiffaċilita l-kummerċ u l-kuntatti bejn in-nazzjonijiet kollha u għandu jiġi salvagwardjat minn kulħadd.

Meta rrefera għall-Pjan ta’ Azzjoni Komprensiv Konġunt (JCPOA) miftiehem mal-Iran, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin afferma t-twemmin ta’ Malta dwar l-importanza tal-JCPOA u nnota t-tħassib tal-pajjiż li l-Iran qabeż il-limiti stabbiliti mill-ftehim rigward il-ħażna tiegħu ta’ uranju b’arrikkiment baxx u l-livell ta’ arrikkiment kif irrappurtat mill-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (IAEA). Faħħar l-isforzi tal-UE biex tippreserva l-JCPOA, li Malta tqis fl-interess ta’ kulħadd.

Il-Ministru Abela rrefera wkoll għas-sitwazzjoni fil-Jemen. Iddikjara li Malta tilqa’ tajjeb il-Ftehim ta’ Riyadh li, flimkien mal-Ftehim ta’ Stokkolma, iservi bħala pjattaforma li fuqha jista’ jinbeda proċess inklużiv, li jkun jinvolvi lill-Jemeniti kollha lejn il-paċi u l-istabbiltà u t-tmiem tal-kriżi umanitarja attwali.

Dwar ir-relazzjonijiet tal-UE mat-Turkija, il-Ministru Abela enfasizza l-importanza reġjonali u strateġika tat-Turkija bħala pajjiż sieħeb, u l-importanza li jiġi żgurat impenn kontinwu f’dan ir-rigward.

Qal ukoll kif Malta se tkompli tappoġġa l-proċess immexxi min-Nazzjonijiet Magħquda mmexxi mir-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda għal-Libja u l-Kap tal-Missjoni ta' Appoġġ tan-Nazzjonijiet Magħquda fil-Libja (UNSMIL), Ghassan Salamé.​


RAY_9026.jpg 

Minister Carmelo Abela with Jean Asselborn, Minister for Foreign and European Affairs and Minister for Immigration and Asylum of Luxembourg; Didier Reynders, Deputy Prime Minister and Minister of Foreign, European Affairs and Defence of Belgium, and European Commissioner-Designate; and Ekaterina Zaharieva, Bulgarian Minister for Foreign Affairs of Bulgaria. (Credit: Ray Attard/Permanent Representation of Malta to the EU)​


RAY_9083.jpg

Minister Carmelo Abela exhanging views with Luigi di Maio, Minister for Foreign Affairs of Italy. (Credit: Ray Attard/Permanent Representation of Malta to the EU)


RAY_9109.jpg

Minister Carmelo Abela with  Nikos Christodoulides, Minister for Foreign Affairs of Cyprus, and Luigi di Maio, Minister for Foreign Affairs of Italy. (Credit: Ray Attard/Permanent Representation of Malta to the EU)


76D5092133A9A4CBFD97E52395167C3.jpg

Minister Carmelo Abela with Federica Mogherini, High Representative of the EU for Foreign Affairs and Security Policy. (Copyright: European Union)