Malta b’tisħiħ fir-rappreżentanza diplomatika u l-promozzjoni tal-kummerċ fil-kontentinent Amerikan, Afrikan u Asjatiku

Numru ta' Referenza:  , Data ta' l-Istqarrija : Ott 23, 2019
 

Il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ qed jara t-tisħiħ ta’ Malta fil-kontinent Amerikan, Afrikan u Asjatiku, permezz ta’ ħidma għall-ftuħ ta’ Missjonijiet  Diplomatiċi ġodda. Dan saħħqu l-Ministru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ Carmelo Abela f’konferenza tal-aħbarijiet marbuta mal-miżuri li ħabbar il-Gvern fil-baġit 2020.

Il-Ministru Abela semma kif dan huwa eżempju ieħor ta’ kif qed inkomplu nikbru flimkien madwar id-dinja filwaqt li l-ħidma tagħna fil-Mediterran tibqa’ ikkunsidrata bħala waħda integrali.

 

Ħidma fil-kontinent Amerikan

Il-Ministru Abela ħabbar li Malta ser tkun qed taħdem sabiex tinfetaħ l-ewwel ambaxxata fl-Amerika ta’ Isfel. Hekk kif Malta ma għandha l-ebda rappreżentanza f’dan il-kontinent inħasset il-ħtieġa li jiżdiedu l-kuntatti fil-qasam politiku sabiex eventwalment jiġi wkoll iffaċilitat il-kummerċ.

Il-Ministru Abela kompla jgħid kif dan kollu qed isir fid-dawl ukoll tal-applikazzjoni ta’ Malta għal siġġu mhux permanenti fuq il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda għas-snin 2023-2024. B’dan il-għan, il-ministeru qed iħares ukoll lejn it-tisħiħ u t-tkabbir tal-Ambaxxata Maltija ġewwa New York kemm fejn tidħol infrastruttura u anke riżorsa umana. 


 

Ħidma fil-kontinent Asjatiku

 

Hawnhekk il-Ministru Abela semma li Malta qed tiffoka fuq il-ftuħ ta’ Ambaxxata ġewwa il-Ġappun. Tkellem kif il-ministeru rċieva l-approvazzjoni mill-awtoritajiet Ġappuniżi sabiex tiftaħ ambaxxata ġewwa Tokyo. Ix-xogħol għaddej ġmielu sabiex jiġi identifikat post adattat, li mbagħad jiġi mmodifikat skond il-ħtiġijiet, bil-għan li tinfetaħ l-ambaxxata fl-2020.  



 

Ħidma fil-kontinent Afrikan

 

Il-Ministru Carmelo Abela semma kif il-ministeru iffoka fuq il-ftuħ ta’ Kummissjoni Għolja fil-Ghana. Qal li din il-Kummissjoni Għolja ilha topera minn Frar 2019 minn bini temporanju ġewwa l-Belt ta’ Accra. Fil-frattemp l-uffiċċjali tal-ministeru għaddejjin b’ħidma kontinwa sabiex il-post permanenti jkun irranġat bil-modifikazzjonijiet neċessarji sabiex il-Kummissjoni Għolja tiġi rilokata għall-bini l-ġdid fl-2020. Carmelo Abela żied jgħid li riċentament fl-2017 ġie iffirmat ftehim tat-tassazzjoni doppja mal-Ghana.

 

Fejn tidħol l-Afrika ta’ Fuq, il-Ministru Abela  nnota li l-ministeru tefa’ ħarstu għal ftuħ ta’ konsolat fil-Marokk. Hawn diġà ġew identifikati postijiet xierqa għal-lokazzjoni ta’ konsulat.  Huwa maħsub li din tkun tista tibda topera fl-2020.

 

“Irridu ngħaddu messaġġ li l-Afrika nħarsu lejha bħala trading partner”, qal il-Ministru Abela.

 

Il-ministru kkonkluda li l-ftuħ ta’ rappreżentanzi diplomatiċi f’postijiet li sa issa Malta ma kellhiex rappreżentanza fihom qabel qed iservi għal iżjed għajnuna konsolari lill-Maltin u  lill-kommunità kummerċjali. B’hekk, bil-fatti bħala Gvern, mhux biss qed inkomplu nippremjaw il-bżulija iżda qed niffaċilitaw li l-Maltin ikomplu jiksbu suċċess, anke barra minn xtutna.

 

Ritratti: DOI/MHAS


192252a.JPG 



192252b.jpg



192252c.jpg 
 


192252d.jpg 
 


192252e.JPG