Malta eletta fil-Kunsill tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) fit-tieni post b’145 vot – l-aqwa riżultat li qatt inkiseb

Numru ta' Referenza:  , Data ta' l-Istqarrija : Diċ 02, 2019
 

Fid-29 ta’ Novembru, Malta ġiet eletta b’suċċess f’Kategorija Ċ tal-Kunsill tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) waqt il-31 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tal-IMO li saret f’Londra. Malta ġiet eletta mill-ġdid f’Kategorija (Ċ) tal-Kunsill għall-ewwel darba fit-tieni post b’145 vot. Singapore ġie fl-ewwel post b’152 vot. B’kollox hemm 174 pajjiż li jivvutaw. F’din il-kategorija, taħtha, jiġu eletti għoxrin pajjiż li għandhom interess speċjali fil-qasam marittimu.

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ Carmelo Abela ddikjara li “mhux biss Malta ġiet eletta mill-ġdid għall-Kunsill tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali f’Kategorija Ċ, iżda kisbet l-aqwa riżultat li qatt kien hemm. L-apprezzament jgħaddi għal dawk il-pajjiżi msieħba kollha li għal darb’oħra reġgħu kabbru l-fiduċja tagħhom fina”. Żied jgħid li Malta tibqa’ impenjata biex tkompli ttejjeb il-valuri tal-organizzazzjoni u għandha tkompli tibni fuq il-vokazzjoni marittima tagħha fl-interess tal-komunità internazzjonali”. Carmelo Abela semma li b’dan ir-riżultat mill-aqwa, Malta kompliet tikkonsolida l-irwol attiv tagħha fl-affarijiet marittimi. L-elezzjoni ta’ Malta tikkontribwixxi wkoll għar-rappreżentazzjoni fil-korp tat-tmexxija tal-IMO mhux biss tar-reġjun tal-Mediterran iżda wkoll ta’ numru ta’ ekonomiji tal-gżejjer żgħar.

Kmieni din il-ġimgħa l-Assemblea kienet indirizzata mill-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg li rtira s-sostenn li Malta se tkompli tagħti lill- Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali u ġibed l-attenzjoni għal numru ta’ suġġetti ta’ interess speċjali għal Malta. Waqt l-Assemblea, Malta offriet kontribut finanzjarju għall-fond li għandha l-organizzazzjoni biex toffri taħriġ tekniku lill-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw biex itejbu l-kapaċitajiet marittimi tagħhom. Qal li dan ir-riżultat hu prestiġjuż ħafna għal pajjiżna u jikkonferma li Malta - li għandha wieħed mill-akbar reġistri tal-vapuri merkantili fid-dinja - tgawdi r-rispett tal-komunità internazzjonali f’dan is-settur.

Il-Ministru Borg, li mexxa d-delegazzjoni waqt l-Assemblea, irringrazzja lill-uffiċjali ta’ Transport Malta li bil-koperazzjoni tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin, ħadmu biex jinkiseb dan is-suċċess. “Il-gvern kommess li Malta tkompli tieħu sehem attiv f’dan il-kunsill biex b’hekk ikomplu jikbru s-sigurtà u l-effiċjenza fil-qasam tat-trasport bil-baħar. Dan ir-riżultat ikompli jġedded l-impenn tagħna sabiex Transport Malta tkompli ssaħħaħ l-operat tagħha fil-qasam marittimu u b’hekk tkompli tikber l-istima li tgawdi Malta f’dan il-qasam hekk importanti għal pajjiżna”, żied il-ministru.

L-IMO hi aġenzija speċjalizzata tan-Nazzjonijiet Magħquda, responsabbli għas-sigurezza u għas-sigurtà tat-tbaħħir u tal-prevenzjoni tat-tniġġis tal-baħar mill-vapuri. F’Kategorija Ċ l-istati għandhom interessi speċjali fit-trasport marittimu jew fin-navigazzjoni. L-elezzjoni tagħhom għall-Kunsill tiżgura rappreżentanza taż-żoni ġeografiċi ewlenin kollha tad-dinja.

Membru tal-Organizzazzjoni mill-1966, Malta hi sostenitur qawwi tal-għanijiet tal-organizzazzjoni u temmen b’mod sod li t-tisħiħ reali tal-istandards ta’ sigurezza, ta’ sigurtà u ta’ prevenzjoni ta’ tniġġis fil-baħar u fil-port jista’ jinkiseb biss permezz tal-implimentazzjoni universali tal-IMO.  F’dan il-kunsill Malta ġiet eletta għat-12-il darba konsekuttiva.


pr192555a.jpg

pr192555b.jpg