Malta tniedi l-ewwel strateġija għat-tkabbir u għas-sħubija mal-Afrika (2020-2025) għal konsultazzjoni pubblika

Numru ta' Referenza:  , Data ta' l-Istqarrija : Jan 09, 2020
 

Il-Kummerċ, l-Iżvilupp u d-Diplomazija, it-tliet pilastri li jirrikonoxxu l-Afrika bħala forza ekonomika emerġenti

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ Carmelo Abela nieda l-ewwel dokument ta’ politika għal konsultazzjoni pubblika fejn l-Afrika qed titqies minn Malta bħala sieħeb strateġiku vitali għall-ħames snin li ġejjin. Din l-istrateġija qed tiffoka fuq il-kummerċ, id-diplomazija u l-iżvilupp. Intitolata bħala ‘Malta u l-Afrika: Strateġija għal sħubija 2020-2025’, l-istrateġija tikkonċentra fuq l-iskambju tal-ġid u l-ħolqien ta’ opportunitajiet fi żminijiet li qed jinbidlu bejn Malta u l-kontinent tal-Afrika.

Fl-indirizz tal-ftuħ tiegħu, il-Ministru Abela enfasizza li l-Afrika hija forza ekonomika emerġenti. Irrimarka li l-ewwel strateġija nazzjonali qed isservi bħala gwida għall-iżvilupp tar-relazzjonijiet ta’ Malta mal-kontinent Afrikan fil-perjodu li ġej filwaqt li tiżgura li Malta mhix sempliċiment attur passiv f’dinja li qed tinbidel iżda kontributur attiv għas-soluzzjonijiet u proponent denju ta’ politika u ta’ opportunitajiet għat-tkabbir. Fi kliem il-ministru, l-istrateġija tirrispondi għat-talbiet ta’ Afrika li qed tinbidel u turi kif Malta tista’ ssaħħaħ ir-relazzjonijiet permezz tal-valuri ta’ fiduċja u d-djalogu ta’ sħubija.

 

Kummerċ

“Sabiex dan ikun suċċess irridu nkunu parti mir-rakkont tat-tkabbir u l-opportunità fl-Afrika”, iddikjara l-Ministru Abela waqt li semma l-proposti biex jibnu fuq ir-relazzjonijiet eżistenti b’saħħithom ta’ Malta. Dawn jinkludu rwol akbar għan-negozju Malti u rwol li jgħin biex jinħoloq investiment u kummerċ ġdid li jkunu ta’ benefiċċju reċiproku għal Malta u l-Afrika. “Qed joħroġ messaġġ ċar. L-Afrika ma tridx sempliċiment għajnuna. Trid kummerċ, żvilupp u tkabbir. Aktar kuntatt bejn in-negozju u l-qsim ta’ ħiliet u għarfien. L-intrapriżi bbażati f’Malta huma f’pożizzjoni tajba biex ikollhom irwol ikbar fl-Afrika u aħna nimpenjaw ruħna f’din l-istrateġija biex ngħinu fir-riċerka, in-networking, u l-bażi li tista’ tidentifika u tiffaċilita l-kummerċ u l-investiment miż-żewġ naħat”. Fuq din in-nota, il-ministru żied li fl-2020 il-ministeru tiegħu li hu responsabbli għall-promozzjoni tal-kummerċ, se jkun qed imexxi delegazzjonijiet kummerċjali fil-Gana, fl-Etijopja u fil-Kosta tal-Avorju kif ukoll żjara fir-Rwanda filwaqt li jiċċelebra wkoll il-ftuħ tal-ewwel Missjoni Diplomatika Maltija fl-Afrika, fil-Gana.

 

Żvilupp

Il-Ministru Carmelo Abela nnota li l-istrateġija tenfasizza wkoll l-importanza tal-iżvilupp permezz tal-prattika tajba biex tagħti l-possibilità lill-Afrika li ssaħħaħ il-potenzjal ta’ kull persuna, irrispettivament mis-sess, mit-twemmin jew mill-orjentazzjoni. F’dan ir-rigward, il-ministru enfasizza x-xogħol tajjeb li qed tagħmel is-soċjetà ċivili Maltija permezz tal-programm ta’ għajnuna barranija tal-Gvern ta’ Malta li bi kburija jtajjar il-bandiera ta’ Malta u jaqsam il-valuri ta’ solidarjetà ta’ Malta. Għandu jkun innutat li fl-2018 il-kontribuzzjoni ta’ Malta għall-iżvilupp, li  l-maġġoranza tagħha marret għall-Afrika, kienet aktar minn €28 miljun. Mill-2020, il-Fond Uffiċjali għall-Għajnuna għall-Iżvilupp tal-Ministeru ġie miżjud biex laħaq is-somma totali ta’ €2 miljun. Il-ministru ħabbar li s-sejħa għal proġetti li jinkoraġġixxu kollaborazzjoni bejn organizzazzjonijiet mhux governattivi u s-settur privat b’appoġġ għal proġetti ta’ żvilupp internazzjonali, se tinħareġ dalwaqt.

 

Diplomazija

Il-Ministru Abela rrimarka li Malta kienet impenjata mal-pajjiżi mal-fruntieri tal-Mediterran tal-Afrika ta’ Fuq sa minn żminijiet antiki. Il-gvern issa qed isegwi b’mod attiv strateġija usa’ għall-Afrika lil hinn mill-ixtut tat-Tramuntana tagħha u jikkonsolida r-rabtiet ta’ Malta fl-Afrika permezz tas-sħubija tagħha fil-Commonwealth u fi ħdan l-Unjoni Ewropea. Is-Summit tal-Valletta 2015, li ġie organizzat minn Malta, bagħat messaġġ importanti, li l-migrazzjoni ma tistax tiġi indirizzata bħala kwistjoni singulari. Malta dejjem ħadet rwol proattiv fit-tfittxija ta’ soluzzjonijiet internazzjonali għall-isfidi ta’ żminijietna. Il-Ministru Abela tenna l-impenn ta’ Malta għall-Afrika u qal “permezz ta’ din l-istrateġija, Malta se tinsisti għat-tkabbir, għad-dinjità u għall-emanċipazzjoni fl-Afrika. Aħna nfittxu li nkunu msieħba veri permezz tal-pożizzjonijiet u tal-politika tagħna fl-Unjoni Ewropea, fin-Nazzjonijiet Uniti, u fi bnadi oħra”.

 

“Malta tista’ tkun il-pont tal-Ewropa lejn l-Afrika” - il-President tal-Kummissjoni tal-UE Ursula von der Leyen

Il-President tal-Kummissjoni tal-UE Ursula von der Leyen indirizzat l-avveniment permezz ta’ messaġġ irrekordjat fejn qalet li l-ħidma ta’ Malta qed tikkumplimenta l-impenn kunfidenti ta’ Malta mal-Afrika. “Nemmen li s-suċċess tal-kontinent tagħna huwa marbut ma’ dak ta’ kontinent ieħor, kontinent żagħżugħ, dinamiku u li qed jiżviluppa malajr, il-kontinent tal-Afrika. Malta tista’ tkun il-pont tal-Ewropa lejn l-Afrika. Jien partikolarment ferħana li Malta qed tippreżenta strateġija għal sħubija mal-Afrika. Ma jista’ jkun hemm ebda mod aħjar biex tiftaħ din is-sena. Dalwaqt se nippreżenta l-istrateġija tal-Unjoni Ewopea mal-Afrika u sal-aħħar tas-sena l-mexxejja taż-żewġ kontinenti se jiltaqgħu biex jiddiskutu t-triq ’il quddiem”.

L-avveniment kien indirizzat ukoll mill-Ambaxxatur mhux Residenti ta’ Malta għall-Etjopja u r-Rappreżentant ta’ Malta għall-Unjoni Afrikana Ronald Micallef. Matul ir-rimarki tiegħu ta spjegazzjoni dettaljata tal-kontribuzzjoni ta’ Malta għal impenn tal-UE aktar ambizzjuż mal-Afrika li jitbiegħed minn approċċ esklussivament immexxi mill-għajnuna u jimpenja ruħu b’mod effettiv permezz tal-kummerċ, tal-iżvilupp u tad-diplomazija. L-Ambaxxatur Micallef enfasizza l-importanza ta’ approċċ bejn il-ministeri fuq temi magħżula fejn Malta tista’ tispikka u żżid il-valur, u enfasizza l-importanza tal-Unjoni Afrikana bħala organizzazzjoni importanti għall-bidla fil-kontinent tal-Afrika. Dan filwaqt li rrikonoxxa d-diversità tal-Afrika bħala kontinent ta’ aktar minn 50 pajjiż.

Matul l-avveniment kien hemm djalogu bejn il-Ministru Carmelo Abela u l-parteċipanti interessati li jirrappreżentaw in-negozju, il-kummerċ u d-diplomazija f’konformità mal-prinċipji tal-istrateġija ta’ Malta għall-Afrika.

Il-konsultazzjoni pubblika tibqa’ miftuħa sad-29 ta’ Jannar 2020. Ir-rispons jista’ jintbagħat fuq africaconsultation.mftp@gov.mt.


pr200022e.jpg 

 

pr200022a.jpg 



pr200022b.jpg 
 
 
 
pr200022c.jpg 
 
 
 
pr200022d.jpg 
 
Ritratti (DOI/MFTP)


Dokumenti: