Malta fit-tmexxija fejn tidħol il-governanza internazzjonali tal-oċeani. Il-Ġnus Magħquda, l-Unjoni Ewropea, l-Commonwealth, ambaxxaturi globali tal-oċeani jingħaqdu f’Malta biex jiddiskutu t-triq minn diskussjoni għal azzjoni fuq l-oċeani

Numru ta' Referenza:  , Data ta' l-Istqarrija : Aww 02, 2019
 

Filmat: https://www.youtube.com/watch?v=UxgM3IkqfGU&feature=youtu.be

 

L-ewwel laqgħa internazzjonali tal-ambaxxaturi tal-oċeani kienet organizzata llum f’Malta. Għall-ewwel darba il-Ġnus Magħquda, l-Unjoni Ewropea, l-Commonwealth, ambaxxaturi globali tal-oċeani u organizazzjonijiet oħra ingħaqdu madwar l-istess mejda sabiex jiddiskutu l-protezzjoni u l-ħarsien tal-oċeani madwar id-dinja, għal ġenerazzjoni kurrenti u li jmiss. Il-laqgħa kienet organizzata mill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ taħt it-tmexxija tal-Ministru Abela flimkien mal-Ambaxxatur Speċjali tal-Ġnus Magħquda għall-Oċeani Peter Thomson. Il-Kummissarju Ewropew għall-Ambjent, Affarijiet Marittimi u s-Sajd Karmenu Vella u s-Segretarja Ġenerali tal-Commonwealth Rt Hon. Patricia Scotland ipparteċipaw f’din il-laqgħa.

 

Bħala eżitu tal-laqgħa, ġie maqbul li l-governanza tal-oċeani m’hijix biss impenn imma wkoll fuq riżultati u li din il-materja tistħoqq approċċ internazzjonali u olistiku flmkien ma pjan ta’ azzjoni globali. Ir-rappreżentanti affermaw li wasal iż-żmien li jimxu minn diskussjoni għal azzjoni fuq l-oċeani u li din il-laqgħa ta’ llum hija biss l-ewwel minn appuntamenti regolari għall-ambaxxaturi tal-oċeani u organizazzjonijiet oħra biex jingħaqdu flimkien f’laqgħa strateġika li tippermetti  l-iskambju ta’ veduti fuq il-ħarsien tal-futur ta-oċeani.

 

Fir-rimarki tal-ftuħ, il-Ministru Carmelo Abela qal li Malta hekk kif hi arċipelagu marittimu fil-Mediterran, tħares lejn is-sostenibilita’ tal-oċeani madwar id-dinja bħala prijorita’ u bħala riżultat ħadet din l-inizjattiva proattiva biex tpoġġi dawl fuq ir-rwol tal-ambaxxaturi tal-oċeani fuq is-sostenibilita’ tal-istess oċeani. Huwa qal li fuq livell nazzjonali, l-ambaxxaturi tal-oċeani għandhom rwol importanti biex iqajmu għarfien qalb il-pubbliku filwaqt li jinkuraġixxu l-gvernijiet, n-negozji u s-soċjeta’ ċivili sabiex jippromwovu azzjoni favur is-sostenibilita’ tal-oċeani. Fuq livell internazzjonali, huma jistgħu jkunu l-forza wara s-suċċess ta’ inizjattivi globali.

 

Huwa innota kif is-sena l-oħra Malta appuntat lil Professur Alan Deidun bħala l-ambaxxatur Malti tal-oċeani u b’hekk sar wieħed mis-sitt ambaxxaturi tal-oċeani appuntati globalment. Huwa ħeġġeġ iżjed stati sabiex jappuntaw rappreżentanti simili.

 

Il-Ministru Abela tkellem kif il-politika barranija ta’ Malta matul iż-żminijiet ikkontribwixxiet lejn l-iżvilupp tal-governanza tal-oċeani internazzjonalment. Huwa żied lid-deċiżjoni li Malta tieħu rwol ta’ tmexxija proattiva fuq livell globali sabiex tgħaqqad l-imsieħba ikkonċernati biex jitqajjem għarfien dwar pjan ta’ azzjoni olistiku, jibgħat messaġġ b’saħħtu li oċeani b’saħħithom u l-preservazzjoni taż-żoni marittimi inkluż il-bijodiversita’ tagħhom, hija prijorita’, hekk kif l-oċeani huma wkoll r-regolaturi tat-tibdil fil-klima. “Il-preżenza tagħna hawn illum hija affermazzjoni tal-impenn tagħna lejn l-oċeani li ssostni l-għixien tagħna b’diversi modi”, qal Abela.

 

Il-Ministru Abela ikkonkluda billi appella lir-rappreżentanti li wara din l-ewwel kisba fejn aċċettaw li jingħaqdu sabiex jiddiskutu l-governanza tal-oċeani issa jimxu flimkien lejn sistema effettiva ta’ kooperazzjoni multilaterali li tagħti riżultati fl-immaniġjar ta’ din l-isfida globali.

 

L-Ambaxxatur Speċjali tal-Ġnus Magħquda għall-Oċeani Peter Thomson kellu kliem ta’ tifħir għal din l-inizzjattiva proattiva u ddeskriva lil Malta bħala li qegħda fuq quddiem nett sabiex tindirizza materja relatata mal-governanza internazzjonali tal-oċeani.

 

Il-laqgħa kienet ukoll indirizzata mill-Kummissarju Ewropew Karmenu Vella li emfasizza li l-oċeani qed jirċievu iżjed attenzjoni fuq livell politiku u li l-Kummissjoni Ewropea se tkompli taħdem sabiex tippreveni sajd irregolari u tmexxi ‘l quddiem azzjonijiet olistiċi fuq l-oċeani. Huwa stieden lis-Segretarju Ġenerali tal-Commonwealth Patricia Scotland sabiex jinbdew diskussjonijiet fuq il-possibilita’ ta’ ftehim bejn iż-żewġ partijiet fuq azzjonijiet fuq l-oċeani.

 

Is-Segretarja Ġenerali tal-Commonwealth Rt Hon. Paticia Scotland irrimarkat ir-responsabbilta’ li dan il-mument ipoġġi fuq il-gvernijiet nazzjonali sabiex jagħmlu d-differenza fejn tidħol l-ekonomija l-blu. “Jekk mhux issa, meta, jekk mhux aħna, min? – qalet l-Hon. Scotland. Hija aċċetat il-proposta tal-Kummissarju Vella sabiex jinbdew diskussjonijiet għal possibilta’ ta’ ftehim bejn il-Commonwealth u l-Kummissjoni Ewropea. Hija faħħret ukoll il-ħidma tal-Ministru Abela u l-Ambaxxatur Thomson għal din l-inizzjattiva.

 

Preżenti għal laqgħa kien hemm ukoll il-President tal-Konferenza Intergovernattiva fuq il-BBJN l-Ambaxxatriċi Rena Lee u l-Ambaxxatur Vidar Helgesen li kien qed jirrapreżenta lil gvern Norveġiz fuq l-inizjattivi li qed jieħdu fuq is-sostenibilita’ tal-ekonomija blu.

 

Fost l-organizazzjonijiet li attendew għal-laqgħa kien hemm l-Organizazzjoni Internazzjonali Marittima, l-Organizazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura u l-Programm tal-Iżvilupp tal-Ġnus Magħquda, il-Kummisjoni Ewropea, l-Presidenza tal-Unjoni Ewropea, is-Segretarjat tal-Commonwealth kif ukoll Stati li għandhom interess speċjali fl-oċeani ​u organizzaturi ta’ avvenimenti li jmiss fuq l-oċeani.

IMG_1283.JPG

_JBP5263 copy.jpg

IMG_1850.JPG

IMG_1946.JPG

IMG_1970.JPG