Malta qed tfassal l-ewwel Strateġija għall-Afrika

Numru ta' Referenza:  , Data ta' l-Istqarrija : Diċ 10, 2019
 

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ Carmelo Abela qal f’laqgħa tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin tal-UE (FAC), li Malta bħalissa qed tfassal l-ewwel Strateġija għall-Kontinent Afrikan. Il-Ministru Abela kien qed jitkellem waqt sessjoni dwar ir-relazzjonijiet UE-Afrika li saret bil-għan li tidħol fid-dibattitu dwar strateġija komprensiva ġdida tal-UE għall-Afrika u t-tħejjijiet għal-laqgħa ministerjali u tas-summit li jmiss bejn l-UE u l-Afrika Unjoni. Huwa qal li Malta tistenna bil-ħerqa strateġija komprensiva ġdida tal-UE li tiżgura aġenda pożittiva għar-relazzjonijiet bejn iż-żewġ kontinenti, li tippromwovi relazzjoni dejjiema fuq il-bażi ta’ sħubija ugwali.

Il-FAC iddiskuta wkoll ix-xogħol tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem. Il-Ministru Abela ddikjara li Malta tafferma mill-ġdid l-impenn tagħha għas-sistema multilaterali tad-drittijiet tal-bniedem bħala l-pjattaforma biex tindirizza bl-aħjar mod, id-drittijiet tal-bniedem. Il-pajjiż ser ikompli jimbutta favur il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-fora kollha, kemm fil-livell ta l-UE kif ukoll fin-Nazzjonijiet Magħquda. Meta tkellem fuq l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-emanċipazzjoni tan-nisa u l-bniet bħala d-drittijiet fundamentali tal-bniedem, il-Ministru Abela qal li t-tnejn huma vitali għat-tkabbir ekonomiku, il-prosperità u l-kompetittività. Minkejja l-progress li sar, madankollu, il-livell tal-kisba tal-ugwaljanza bejn is-sessi ma kinitx l-istess bejn ir-reġjuni u fi ħdan il-pajjiżi. Għalhekk, huwa importanti li tiġi żgurata enfasi akbar fuq in-nisa u l-bniet, kif ukoll l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneru u rappreżentanza ugwali tan-nisa u l-irġiel fil-livelli kollha.

Il-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-UE skambjaw ukoll fehmiet dwar il-ħidma tal-Kunsill kif ukoll dwar il-metodi tal-ħidma tiegħu, mar-Rappreżentant Għoli l-ġdid tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, Josep Borrell, li għalih din kienet l-ewwel laqgħa tal-FAC li mexxa.

Qabel il-laqgħa tal-FAC, il-Ministru Abela ħa sehem f’kolazzjon ministerjali, ospitat minn Nikos Dendias, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Grieg, flimkien ma Nikola Dimitrov, Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Maċedonja ta’ Fuq, u Gent Cakaj, Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Albanija. Il-laqgħa ffukat fuq it-tkabbir tal-UE u n-negozjati tal-adeżjoni b'appoġġ għall-perkors ta' adeżjoni tal-Albanija u tal-Maċedonja ta’ Fuq. Il-pożizzjoni ta’ Malta dwar ir-reġjun tal-Balkani tal-Punent hija li Balkani tal-Punent stabbli u siguri huma marbuta ma Ewropa u Mediterran aktar stabbli u siguri.  Fid-dawl ta’ dan, Malta temmen li aktar ma n-negozjati ta’ adeżjoni jinfetħu kmieni mal-Albanija u l-Maċedonja ta’ Fuq, l-aħjar kemm għal dawn iż-żewġ pajjiżi kif ukoll għall-UE u l-istati membri.​


pr192620a.jpg 

Minister Carmelo Abela congratlating the new High Representative of the Union for Foreign affairs and Security Policy, Josep Borrell. (Credit: Ray Attard - Permanent Representation of Malta to the EU)


pr192620b.jpg

Minister Carmelo Abela greeted by Jean Asselborn, Minister for Foreign and European Affairs and Minister for Immigration and Asylum of Luxembourg, as Miroslav Lajčák, Slovak Minister for Foreign and European Affairs, looks on. (Credit: Ray Attard - Permanent Representation of Malta to the EU)


pr192620c.jpg

Minister Carmelo Abela with Miroslav Lajčák, Slovak Minister for Foreign and European Affairs. (Credit: European Union)


pr192620d.jpg

Minister Abela at the start of the FAC meeting. (Credit: European Union)