Malta u l-UNESCO: id-diplomazija kulturali hija għodda biex il-pajjiżi jippromwovu l-paċi u t-tolleranza

Numru ta' Referenza:  , Data ta' l-Istqarrija : Nov 04, 2019
 

Filmat: https://www.youtube.com/watch?v=9gSmcMwqyxU​

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ Carmelo Abela u l-Ambaxxatur tal-UNESCO għall-Paċi u l-Mibgħuta Speċjali għad-Diplomazija Kulturali Madame Hedva Ser tennew li l-pajjiżi mad-dinja kollha jistgħu jutilizzaw id-diplomazija kulturali bħala għodda innovattiva biex jippromwovu t-tolleranza u l-ftehim bejn in-nazzjonijiet. Dan id-diskors ingħad waqt konferenza stampa fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ fejn l-Hedva Ser flimkien ma’ grupp ta' 20 artisti ġejjin minn pajjiżi madwar l-UE, l-Afrika ta’ Fuq u l-Lvant Nofsani żaru lill-Ministru Abela u tkellmu dwar it-tielet edizzjoni tal-proġett Art Camp Malta.

Matul il-kamp ta’ 10 ijiem fis-sit tal-Wirt Dinji tal-Ġgantija f’Għawdex, dawn l-artisti qed jipproduċu xogħlijiet ta’ arti li jduru madwar it-tema tal-paċi. Dan il-proġett qed jitwettaq flimkien mal-Kummissjoni Nazzjonali Maltija għall-UNESCO, u huwa meqjus bħala eżerċizzju bilaterali ta’ diplomazija kulturali bejn Malta u l-Andorra, bis-suċċess tal-kamp imkejjel bl-interazzjoni bejn l-artisti li ġejjin minn kulturi differenti, apparti mill-proċess tal-produzzjoni tal-pittura.

Il-Ministru Abela nnota bi pjaċir ix-xogħol imwettaq mill-UNESCO biex jiġu mobilizzati aġenti minn oqsma u reġjuni differenti bil-għan li ssir promozzjoni għad-djalogu u l-għarfien fost il-kulturi, anke permezz ta’ dan il-proġett tal-Art Camp intitolat ‘Kuluri għall-Paċi’. “Malta rrikonoxxiet li waħda mill-aktar sfidi importanti għall-UNESCO hija r-rinfurzar tar-rwol għall-kultura bħala għodda essenzjali fl-edukazzjoni sostenibbli u l-promozzjoni tal-paċi”, stqarr Carmelo Abela.

Il-ministru ddikjara wkoll li l-qerda tal-wirt kulturali għadha realtà fid-dinja tal-lum, l-aktar fiż-żoni ta’ kunflitt, u għaldaqstant għandna bżonn ftehim u sħubija aktar transettorjali u ta’ approċċ aktar strateġiku. Huwa ċar li dan huwa l-ħin u l-mument meta rridu nattivaw il-ħsieb kritiku f’dan ir-rigward.

Il-Ministru Abela rrefera għall-fond ta’ diplomazija kulturali ta’ Malta li joffri opportunità lill-missjonijiet barranin ta’ Malta biex jappoġġaw avvenimenti u proġetti li juru l-ġid kulturali tal-gżejjer. L-għan huwa li jitrawwem għarfien kreattiv u artistiku Malti barra mill-pajjiż. Huwa ddikjara li l-inizjattivi kulturali tal-ministeru huma bbażati fuq tliet pilastri; li l-kultura tiġi aktar qrib in-nies, li tiżdied il-professjonalità fis-settur u li l-kultura ssir kontributur għat-tkabbir ekonomiku.

Il-Ministru Abela qal li sal-lum, il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin kompla b’dan l-impenn billi jgħin fil-promozzjoni tal-arti u l-kultura barra mill-pajjiż permezz ta’ inizjattivi diretti mill-ambaxxati Maltin, kummissjonijiet għolja u konsulati ġenerali. Fost dawn l-inizjattivi organizzati kien hemm esebizzjonijiet ta’ arti, premessi letterarji, projezzjonijiet ta’ produzzjonijiet qosra ta’ films Maltin u l-parteċipazzjoni ta’ mużiċisti Maltin f’festivals barranin.

Il-Ministru Abela temm billi rringrazzja lil Hedva Ser, l-Ambaxxatur u d-Delegat Permanenti ta’ Malta għall-UNESCO Joseph Vella-Gauci, l-Ambaxxatur ta’ Malta għall-Prinċipat tal-Andorra l- Ġino Tanti, il-Kummissjoni Nazzjonali Malti għall-UNESCO u l-Uffiċċju għall-Edukazzjoni, ix-Xjenza u l-Kultura f’Għawdex li qed jospitaw it-tielet edizzjoni tal-Art Camp Malta f’Għawdex.




pr192340a.jpg


pr192340b.jpg


pr192340c.JPG


pr192340d.JPG