Malta u l-Ġordan jesploraw tisħiħ fil-koperazzjoni u l-promozzjoni tal-kummerċ. Il-Ministru Abela żar l-ikbar kamp għall-protezzjoni ta’ refuġati Sirjani u pprovda l-assistenza ta’ Malta

Numru ta' Referenza:  , Data ta' l-Istqarrija : Nov 06, 2019
 

Link għall-filmat:

https://youtu.be/ieIYmdnMeYY

 

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ Carmelo Abela għamel l-ewwel żjara ta’ ħidma tiegħu fir-Renju tal-Ġordan. Din iż-żjara f’Amman kienet immirata biex issaħħaħ ir-relazzjonijiet bilaterali eċċellenti eżistenti bejn iż-żewġ pajjiżi, filwaqt li tibni pontijiet biex tkompli tittejjeb ir-relazzjoni kummerċjali. Dan l-iżvilupp isegwi b’mod partikolari, is-suċċess tat-tnedija ta’ titjira diretta minn Malta għal Amman f’April tal-2019, b’indikazzjonijiet li sal-lum utilizzaw dan is-servizz aktar minn 8,000 passiġġier.

 

F’dan ir-rigward, il-Ministru Carmelo Abela ltaqa’ mal-Ministru għall-Industrija, il-Kummerċ u l-Provvista tal-Ġordan, Tareq Hammouri. Il-Ministru Abela rrimarka li wasal iż-żmien biex Malta u l-Ġordan jiddentifikaw setturi kummerċjali ġodda dwar kif jista’ jkollhom koperazzjoni aktar tanġibbli fuq livell bilaterali. Huwa semma li hemm kumpaniji f’Malta li kienu qed ifittxu li jimirħu n-negozju tagħhom fuq livell internazzjonali. Dr Hammouri ddikjara li l-Ġordan qed jipprova jiggwida lis-settur privat biex iżid il-kummerċ, biex ikollu numri aħjar, u li l-pajjiż qed jagħmel studji ffukati f’dan ir-rigward sabiex iħeġġu aktar kumpaniji Ġordaniżi jagħmlu negozju ma’ kumpaniji Maltin.

 

Il-Ministru Abela ltaqa’ wkoll mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin u l-Espatrijati, Ayman Safadi. Huma ddiskutew il-bini ta’ relazzjonijiet solidi bejn Malta u l-Ġordan u l-identifikazzjoni ta’ setturi ġodda li jistħoqqilhom aktar esplorazzjoni, bħal fis-settur kummerċjali, kif ukoll it-turiżmu, partikolarment b’rabta mat-turiżmu reliġjuż u l-wirt kulturali rikk li ż-żewġ pajjiżi jistgħu joffru lil xulxin f’ambitu turistiku.

 

Il-Ministru Abela kellu wkoll diskussjonijiet mal-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati, Atef Tarawneh. Huwa rringrazzja lill-Ministru Abela talli mbotta ’l quddiem fuq livell tal-UE u internazzjonali il-messaġġ ta’ kooperazzjoni ta’ paċi u sigurtà bejn l-Unjoni Ewropea u l-Lega tal-Istati Għarab. Is-Sur Tarawneh appella lill-komunità internazzjonali biex tinvesti fir-rikostruzzjoni tas-Sirja u biex tindirizza l-fenomenu tat-terroriżmu. Il-Ministru Abela qabel li l-komunità internazzjonali trid tkun fuq quddiem f’din il-kwistjoni, bl-UE tieħu rwol ewlieni fl-indirizzar tal-problemi li qed iseħħu fil-Lvant Nofsani.

 

Matul iż-żjara tiegħu, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ żar il-Kamp Refuġjat ta’ Za’Atari, il-Ġordan, l-akbar kamp tar-refuġjati fid-dinja għall-protezzjoni u l-assistenza ta’ refuġjati Sirjani li qed jaħarbu mill-vjolenza mill-pajjiż ta’ oriġini tagħhom mill-2012. Il-Ministru ppreżentalhom donazzjoni ta' €25,000 għall-ispejjeż operattivi tal-kamp, ​​u esprima l-apprezzament lejn il-gvern Ġordanjan u l-UNHCR għax-xogħol li qed isir. Immexxija mill-UNHCR u s-Syrian Refugees Affairs Directorate, kważi 80,000 refuġjat joqogħdu f’dan il-kamp fejn 50% tar-residenti huma tfal, u 20% minn dawn għandhom inqas minn 5 snin. Iċ-ċentru joffri servizzi tas-saħħa, assistenza tal-ikel, ċentri ta’tisħiħ fil-komunità, aċċess għall-enerġija, servizzi tal-ilma, edukazzjoni formali u informali.

 

Il-Ministru Abela ltaqa’ wkoll ma’ Sadeen Group, l-investituri tal-American University of Malta. Iż-żewġ naħat iddiskutew kif, permezz tal-programmi edukattivi bbażati fuq kurrikulu Amerikan, l-AUM se żżomm mal-miri stabbiliti fil-kuntratt mal-Gvern Malti biex tattira iktar studenti barranin lejn pajjiżna u tippromwovi lil Malta bħala ċentru internazzjonali ta’ eċċellenza fl-edukazzjoni. Fost il-kwistjonijiet li ġew diskussa kien hemm l-isfida li jiffaċċjaw studenti barranin, speċjalment f’pajjiżi fejn Malta m’għandiex rappreżentanza, biex jiksbu viża li tippermettilhom jsegwu l-istudji tagħhom f’Malta. Il-Ministru Abela ddikjara li l-awtoritajiet iridu jsegwu l-proċeduri kollha internazzjonali filwaqt li jipprovdu linji gwida ċari li jiffaċilitaw il-proċess.

 

Il-Ministru Abela iltaqa’ wkoll ma’ Karl Schembri, l-uniku ċittadin Malti residenti fil-Ġordan, li jaħdem bħala konsulent reġjonali għal-Lvant Nofsani impjegat mill-Kunsill tan-Norveġja għar-Refuġjati, fejn kellhom diskussjoni vivaċi dwar is-sitwazzjoni fir-reġjun.



pr192371a.jpg 

Il-Ministru Carmelo Abela provda l-għajnuna finanzjarja ta’ Malta lill-Kamp tar-Refuġjati Za’Atari


pr192371b.jpg

Il-Ministru Carmelo Abela mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin u l-Espatrijati Ayman Safadi


pr192371c.jpg

Il-Ministru Carmelo Abela mal-Ministru għall-Industrija, il-Kummerċ u l-Provvista tal-Ġordan Tareq Hammouri


pr192371d.jpg

Il-Ministru Carmelo Abela mal-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Atef Tarawneh


pr192371e.jpg

Il-Ministru Carmelo Abela fi żjara ġewwa l-kamp Za’Atari fil-Ġordan