Malta u l-Bangladexx jiffirmaw l-ewwel żewġ memoranda ta’ ftehim għat-titjib tal-istudji diplomatiċi u l-konsultazzjonijiet bilaterali, waqt li jimmarkaw 40 sena ta’ relazzjonijiet diplomatiċi

Numru ta' Referenza:  , Data ta' l-Istqarrija : Lul 23, 2019
 

Filmat: https://www.youtube.com/watch?v=yDJrz7uZdWI&feature=youtu.be

 
Żewġ memoranda ta’ ftehim ġew iffirmati llum għall-ewwel darba bejn il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ ta’ Malta u l-Ministeru tal-Affarijiet Barranin tar-Repubblika tal-Bangladexx, bejn il-Ministru Carmelo Abela u l-Eċċellenza Tiegħu Dr A.K. Abdul Momen, waqt l-ewwel laqgħa bilaterali li saret fil-Ministeru bejn iż-żewġ Ministri tal-Affarijiet Barranin, waqt li ż-żewġ pajjiżi mmarkaw l-40 anniversarju mill-istabbiliment ta’ relazzjonijiet diplomatiċi.

Il-Memorandum ta’ Ftehim li jistabbilixxi l-konsultazzjonijiet bilaterali bejn Malta u l-Bangladexx jimmarka avveniment importanti fir-relazzjonijiet bilaterali taż-żewġ pajjiżi, għaliex isaħħaħ l-iżvilupp tar-relazzjonijiet eżistenti u l-ftehim reċiproku u jipprovdi qafas għal aktar laqgħat b’mod regolari fejn kwistjonijiet ta’ interess reċiproku jkunu jistgħu jiġu diskussi. Iż-żewġ Ministri qablu li jsegwu b’implimentazzjoni immedjata dan il-ftehim permezz ta’ laqgħat ta’ konsultazzjoni politika fil-bidu tas-sena d-dieħla.

Apparti hekk, permezz tal-Memorandum ta’ Ftehim bejn il-Mediterranean Academy of Diplomatic Studies (MEDAC) u l-Bangladeshi Foreign Service Academy, Malta u l-Bangladexx qed jaraw li jsaħħu r-relazzjonijiet fil-qasam importanti tad-diplomazija u t-taħriġ diplomatiku, li huwa instrumentali biex jippreservi l-paċi, is-sigurta’ u l-promozzjoni tal-qbil, djalogu, u koperazzjoni. Fil-kummenti tiegħu, il-Ministru Abela qal li huwa kuntent li ż-żewġ istituzzjonijiet qablu li għandhom jikkoperaw. Huwa nnota wkoll li l-MEDAC qed testendi l-prospettivi tagħha biex ittejjeb l-istatus tagħha minn akkademja reġjonali tal-Mediterran għal waħda li tattira studenti diplomatiċi lil hinn mill-fruntieri tat-territorju tal-Mediterran, biex huma wkoll ikunu jistgħu jieħdu l-esperjenzi multikulturali li tista’ toffri l-MEDAC. “Din hija opportunita’ ġdida għad-diplomatiċi minn Malta, dawk mir-reġjun tal-Mediterran u dawk mill-Bangladexx biex isiru jafu lil xulxin u biex jifmhu aħjar ir-realtajiet u l-politika taż-żewġ reġjuni, jiġifieri dawk tal-Mediterran u tan-Nofsinhar tal-Asja”, irrimarka l-Onorevoli Abela.

Apparti hekk il-Ministru Carmelo Abela rrefera wkoll għall-intesifikazzjoni tar-relazzjonijiet bilaterali bejn iż-żewġ pajjiżi permezz tal-isħubija fil-Commonwealth u l-Asia-Europe meeting (ASEM). Huwa żied jgħid li ż-żewġ pajjiżi jagħtu importanza kbira lill-inizjattivi tal-politika esterna f’affarijiet reġjonali u internazzjonali, b’Malta tħares il’quddiem biex ittejjeb din ir-relazzjoni, partikolarment permezz ta’ fora multilaterali fejn il-kollaborazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi tista’ tkun effettiva ħafna.

Il-Minsitru kkonkluda billi rrimarka li Malta tappoġġja l-politika kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Bangladexx, li l-pajjiż tal-Bangladexx qed isir aktar wieħed interessanti għall-komunita’ tan-negozjanti Maltin, u li anke permezz ta’ Trade Malta u l-Kamra tal-Kummerċ ta’ Malta qed issir ħidma biex din ir-relazzjoni tkompli titjieb.​​


IMG_6841.JPG 
 
 

IMG_6917.JPG 
 


IMG_6975.JPG 
 
 

IMG_7012.JPG 
 


IMG_7049.JPG