Malta u l-Armenja jaqblu li jesploraw modi ġodda ta’ koperazzjoni bilaterali. Fix-xhur li ġejjin se ssir l-ewwel sessjoni ta’ konsultazzjonijiet politiċi; qbil dwar l-evitar tat-taxxa doppja

Numru ta' Referenza:  , Data ta' l-Istqarrija : Lul 01, 2019
 

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ Carmelo Abela u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Armenja Zohrab Mnatsakanyan esprimew l-impenn taż-żewġ pajjiżi li jesploraw modi ġodda ta’ koperazzjoni f’oqsma ta’ interess komuni. Iż-żewġ Ministri tal-Affarijiet Barranin kellhom taħditiet fil-kapitali Armena, Jerevan, bħala parti mill-ewwel żjara ta’ livell għoli li qatt saret minn delegazzjoni Maltija f’dan il-pajjiż.

“Ninsabu kuntenti biż-żieda fil-kuntatti ta’ livell għoli bejn Malta u l-Armenja li tixhed ir-relazzjonijiet tajbin ħafna li ż-żewġ pajjiżi żgħar tagħna ilhom igawdu minn mindu ġew stabbiliti r-relazzjonijiet diplomatiċi bejnietna fl-1993,” qal il-Ministru Abela. “Malta għandha r-rieda kollha biex tesplora oqsma ġodda ta’ koperazzjoni, li mbagħad nirfduhom b’rieda politika miż-żewġ naħat sabiex niżguraw is-suċċess ta’ inizjattivi eżistenti u oħrajn ġodda. F’dan ir-rigward, infakkar fl-iffirmar, fi Frar li għadda, tal-Memorandum ta’ Qbil dwar l-Istabbiliment ta’ Konsultazzjonijiet Politiċi, u ninsabu ħerqanin biex issir l-ewwel sessjoni ta’ dawn il-konsuktazzjonijiet politiċi f’Malta fil-futur qarib.”

Iż-żewġ ministri qablu li r-relazzjonijiet kummerċjali bejn Malta u l-Armenja, fil-livelli ta’ bħalissa, mhumiex sinifikanti u esprimew l-impenn tagħhom li jfittxu modi kif jiżdied l-għarfien fost il-komunitajiet kummerċjali rispettivi dwar l-opportunitajiet ta’ negozju li jeżistu. Il-Ministru Abela qal li Malta hija ħerqana li, fix-xhur li ġejjin, jiġi konkluż u ffirmat ftehim dwar l-evitar tat-taxxa doppja mal-Armenja, li se jservi ta’ inċentiv biex jiżdiedu n-negozju u l-iskambji kummerċjali. Barra minn hekk, qed isiru sforzi biex jiġu identifikati konnessjonijiet bl-ajru aktar faċli bejn iż-żewġ pajjiżi.

Il-Ministru Abela nnota wkoll l-iżviluppi riċenti fir-rabtiet kulturali u esprima l-ottimiżmu tiegħu li dawn l-iskambji kulturali jiġu intensifikati wara l-iffirmar tal-Ftehim Kulturali bilaterali f’Diċembru tal-2017.

Dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Armenja, il-Ministru semma mill-ġdid l-appoġġ ta’ Malta għal impenn attiv bejn iż-żewġ naħat, u laqa’ b’sodisfazzjon il-progress li għamlet l-Armenja fil-Qafas tas-Sħubija tal-Lvant. Huwa rrefera għall-apoġġ ta’ Malta għall-Ftehim ta’ Sħubija Komprensiv u Msaħħaħ (CEPA) bejn l-UE u l-Armenja, li jsaħħaħ id-djalogu politiku u jistabbilixxi bażi soda għall-kontinwazzjoni tar-riformi ekonomiċi u soċjali li qed isiru fl-Armenja. Malta rratifikat is-CEPA f’Settembru tal-2018.


pr191444a.JPG 



pr191444b.JPG 



pr191444c.JPG 



pr191444d.JPG 



pr191444e.JPG