Il-Malta International Business Awards 2019 bl-aqwa suċċessi ta’ kumpaniji f’Malta, fis-swieq internazzjonali

Numru ta' Referenza:  , Data ta' l-Istqarrija : Nov 25, 2019
 

Il-Ministru Carmelo Abela jħabbar delegazzjoni ta’ kummerċ fil-Ghana u r-Rwanda parti mill-istrateġija ta’ Malta għall-Afrika bħala sieħeb kummerċjali

 

Il-kisbiet ta’ negozji Maltin u dawk bbażati f’Malta tal-prodotti u s-servizzi tagħhom fuq livell internazzjonali ġew iċċelebrati fit-tieni edizzjoni tal-Malta International Business Awards organizzata minn Trade Malta. Lejla fejn l-istejjer ta’ kumpaniji li bdew minn Malta iżda li kibbru lil hinn minn xtut lokali kienu rikonoxxuti. Tnax-il kumpanija li ddistingwew ruħhom fl-isforzi internazzjonali tagħhom ġew ikklassifikati bħala finalisti għall-aktar stejjer ta’ ispirazzjoni. Ir-rebbieħa tal-aqwa kumpanija f’Malta bil-kummerċ fis-swieq internazzjonali kienet AquaBiotech Group.

 

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ Carmelo Abela indirizza l-attività u faħħar l-ambizzjoni u l-kuraġġ tal-intraprendituri Maltin fuq livell globali. Huwa ħabbar li Malta qed tħares lejn l-Afrika bħala sieħba kummerċjali. Qal kif dan huwa konformi mal-fehmiet u l-interessi tas-settur privat lokali li qed ifittex li jesplora lejn swieq barranin. Huwa ħabbar li f’dan ir-rigward il-Ministeru bħalissa qed jaħdem fuq l-ewwel Strateġija ta’ Malta dwar l-Afrika u li fl-ewwel nofs tas-sena 2020 se tkun immexxija missjoni kummerċjali fil-Ghana mill-Ministeru responsabbli mill-Promozzjoni tal-Kummerċ. Missjoni kummerċjali lejn ir-Rwanda se sseħħ ukoll u se taħbat mal-Laqgħa tal-Kapijiet tal-Gvern tal-Commonwealth li ser isseħħ fir-Rwanda f’Ġunju li ġej. Il-Ministru Abela ddikjara li l-Ministeru li huwa jmexxi se jirċievi delegazzjoni tal-kummerċ mill-Etjopja, bħala parti minn impenn kummerċjali bejn Malta u l-Afrika Sub-Saħarjana.

 

Huwa tkellem dwar il-ħidma li għaddejja mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ biex tissaħħaħ ir-rappreżentanza diplomatika ta’ Malta fil-kontinent Amerikan, Afrikan u Asjatiku. “Il-ftuħ ta’ missjonijiet diplomatiċi ġodda f’pajjiżi fejn Malta għad m’għandhiex rappreżentanza diplomatika jpoġġina f’pożizzjoni aħjar biex nassistu lill-kumpaniji privati Maltin biex imorru fuq livell internazzjonali,” qal il-Ministru Abela. Huwa żied li l-Ministeru se jkun qed iniedi proġett pilota ta’ commercial attaches mal-iżjed ambaxxati Maltin f’pajjiżi differenti li għandhom potenzjal kummerċjali. Dan ser ikun ta’ benefiċċju għal kumpaniji bbażati f’Malta li jixtiequ jinvestu f’pajjiżi partikolari.

 

Matul is-serata ingħataw diversi premjijiet għall-eċċellenza ta’ kummerċ fuq livell internazzjonali. Ir-rebbieħa l-oħra kienu:

Premju tal-Kategorija tan-Negozju Żgħar: Pet Nutrition House

Premju ta’ Kategorija ta’ Negozju Daqs Medju: AquaBioTech Group

Premju tal-Kategorija tas-Swieq Emerġenti: Mediterranean Ceramics

Kategorija tal-Għoti tal-Innovazzjoni: Thought 3D

Premju ta’ Kategorija Potenzjal Għoli: Stargate Studios Malta

Premju tal-Kategorija Esportatur online: Free Hour

 

Is-serata kienet indirizzata minn kelliem internazzjonali Dr Fons Trompenaars. Huwa rikonoxxut madwar id-dinja għax-xogħol tiegħu bħala konsulent, kelliem ta’ motivazzjoni u awtur ta’ diversi kotba dwar suġġetti marbuta mal-kultura u n-negozju. Għal iżjed minn 30 sena huwa offra assistenza lill-mexxejja ta’ Fortune 500 sabiex jindirzzaw u jsolvu d-dilemmi kummerċjali u kulturali biex iżidu l-effettività u l-prestazzjoni tagħhom fuq livell globali. Dr Trompenaars huwa kklassifikat fit-Thinkers50 2011, 2013 u 2015 bħala wieħed mill-aqwa ħassieba għan-negozju. Matul il-ġurnata, Dr Trompenaars kellu seminar ta’ taħriġ ma’ rappreżentanti minn kumpaniji Maltin. Dan kien organizzat minn Trade Malta u l-Kamra tal-Kummerċ ta’ Malta.

 

Link għall-filmat: https://www.youtube.com/watch?v=MtQRr-Ctpso&feature=youtu.be




pr192528a.JPG 


pr192528b.JPG


pr192528c.JPG


pr192528d.JPG