It-tisħiħ tal-esportazzjoni tal-produzzjonijiet tal-films lokali, il-pass li jmiss fid-diplomazija kulturali

Numru ta' Referenza:  , Data ta' l-Istqarrija : Diċ 30, 2019
 

Filmat: https://youtu.be/W-dqmZ0zrLk

Id-diplomazija illum qed tinbidel. Ma tistax tieqaf bejn id-diplomatiċi iżda anke bejn in-nies, permezz tal-edukazzjoni, turiżmu u kultura- li tista ssir anke bl-esportazzjoni tal-films lokali”.  Dan qalu l-Ministru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ Carmelo Abela, hekk kif dalgħodu huwa irċieva għandu direttur tal-produzzjonijiet tal-films Malti, is-Sur Mark Doneo. Bil-għajnuna tal-Konsolat Malti ġewwa Toronto, is-Sur Doneo irnexxielu jassigura l-wiri tal-film li ipproduċa mat-tim tiegħu, bl-isem “Hemm Dar il-Qala” bl-ingliż “The Weeping House of Qala”, fil-European Union Film Festival.

Waqt din iż-żjara l-Ministru Carmelo Abela ġie ippreżentat b’poster u programm kommemorattiv tal-wirja ta’ dan il-film f’Toronto, mill-Konslu Ġenerali Malti għal Kanada is-Sur Raymond Xerri.  Il-Ministru Abela semma’ li huwa jemmen ħafna fl-esportazzjoni tal-prodott Malti barra minn xtutna inkluż il-kultura Maltija permezz ta’ produzzjonijiet  audioviżivi Maltin. Qal, li jista’ jiġi innutat kif fl-aħħar snin il-produzzjonijiet  Maltin tejbu l-livell u l-kwalita’ tagħhom u għaldaqstant jistgħu ifittxu udjenza ferm iżjed wiesgħa, ta’ persuni minn madwar id-dinja li jsibu produzzjonijiet indipendenti bħala attrazzjoni.

Semma’ kif bħala Ministeru, bil-intervent tal-Ambaxxati u l-Konsli madwar id-dinja jista’ jkun hemm interess li dawn il-produzzjonijiet jingħataw l-assistenza sabiex jiġu esportati, hekk kif dan il-Ministeru għandu wkoll ir-responsabbilta’ tad-dijaspora Maltija. Iżjed minn miljun Malti jgħixu f’180 pajjiż differenti, li jkollhom interess attiv sabiex isegwu produzzjonijiet li jeħduhom lura għad-dixxendenza tagħhom.

Huwa żied jgħid kif f’dawn il-pajjiżi li fihom hemm Missjoni Diplomatika huwa r-rwol tal-Ambaxxaturi li jużaw anke dan il-mezz sabiex isaħħu d-diplomazija ma dak il-pajjiż partikolari. F’dawn il-pajjiżi li m’hemmx reppreżentanza diplomatika, l-esportazzjoni tal-produzzjonijiet tal-films Maltin jista’ jkun mezz kif dawn il-pajjiżi jsiru jafu b’Malta.  “Dan kollu għandu jservi ta’ inċentiv għal dawk interessati li jidħlu fid-dinja tal-produzzjonijiet tal-films u għal dawk li diġa jinsabu f’dan il-qasam sabiex itejbu l-kwalita’ tal-prodott tagħhom”, qal il-Ministru Abela.

Il-Konslu Ġenerali Malti għal Kanada is-Sur Raymond Xerri qal li dan il-film irċieva kummenti tajbin ħafna minn fost dawk li rawh, inkluż il-ħafna Maltin-Kanadiżi li jgħixu f’Toronto.  Qal kif eluf ta’ persuni Kanadiżi li m’ghandhomx dixxindenza Maltija ukoll attendew. Qal kif dan il-film se jiġi muri f’partijiet oħra tal-Kanada bħal Belt ta’ Vancouver.

Is-Sur Mark Doneo, min-naħa tiegħu qal li jaffaxina ruħu meta jkun qiegħed barra minn xtutna u jisma’ l-lingwa Maltija tixxandar permezz ta’ dawn il-produzzjonijiet. Huwa irringrazzja lill-Malta Film Commission għall-appoġġ kollu tagħħha lejn l-industrija lokali anke permezz ta’ skemi. Huwa ħeġġeġ lill-Gvern sabiex jgħin iżjed lill-produzzjonijiet Maltin jiġu esportati.

Dan il-festival ġie imtella bejn is-7 u l-21 ta’ Novembu 2019 u fih ħadu sehem 28 film mill-Stati Membri tal-Unjoni Ewropea u ġie imtella fit-Teatru prestiġjuz “Rjali”, f’Toronto Din is-sena kienet l-ewwel sena li Malta ipparteċipat permezz ta’ film taħt it-tema “drama/horror”. “Hemm Dar il-Qala” huwa 75 minuta twil u l-produzzjoni tiegħu saret minn Mark Doneo, Lawrence Buontempo u Louise Doneo. Huwa intwera bil-lingwa Maltija, bis-subtitoli bl-Ingliż.


IMG_0458.JPG 



IMG_0473.JPG



IMG_0478.JPG 



IMG_0492.JPG