Inawgurat l-ewwel investiment tal-Enemalta barra minn xtutna

Numru ta' Referenza:  , Data ta' l-Istqarrija : Nov 19, 2019
 

Il-kumpanija Enemalta, permezz tas-sħubija tagħha ma’ Shanghai Electric Power, inawgurat il-proġett ta’ enerġija mir-riħ b’valur ta’ 90 miljun ewro fil-Montengero. Dan il-wind park huwa l-ewwel investiment Malti lil hinn minn pajjiżna fil-qasam tal-enerġija u jinvolvi 23 turbina tar-riħ mifruxa fuq 13-il kilometru ta’ art.

Il-proġett ta’ 46 megawatt tlesta fi tliet snin u, bil-ġenerazzjoni ta’ 112 gigawatt hour ta’ elettriku nadif, se jkun qed jikkontribwixxi għall-iżvilupp tas-settur tal-enerġija fil-Lvant tal-Ewropa.

B’hekk, mindu seħħet il-bidla pożittiva fl-Enemalta, minflok korporazzjoni falluta b’theddida għall-ekonomija fl-2013, pajjiżna llum għandu kumpanija b’saħħitha li mhux biss raħħset il-kontijiet tad-dawl u l-ilma u eliminat l-użu tal-heavy fuel oil iżda wkoll bdiet tiftaħ proġetti ġodda u tifrex l-operat tagħha barra minn Malta.

Waqt l-inawgurazzjoni tal-Mozura Wind Park, fil-preżenza tal-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Prim Ministru tal-Montenegro Duško Marković, il-Ministru għall-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma Joe Mizzi fisser din l-okkażjoni bħala kisba importanti fil-viżjoni li fassal il-Gvern Malti ħames snin ilu.

“Poġġejna l-prijoritajiet tagħna fid-direzzjoni t-tajba u għamilna s-settur tal-enerġija bħala pilastru ewlieni tal-ekonomija Maltija”, qal il-Ministru Mizzi.

Filwaqt li semma kif kien hawn min wera xettiċiżmu għas-sħubija strateġika tal-Enemalta mal-kumpanija dinjija Shanghai Electric Power, iż-żmien ta raġun lill-Gvern Malti u d-deċiżjoni ssarfet f’koperazzjoni mill-aqwa bejn wieħed mill-iżgħar pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea u waħda mill-akbar ekonomiji tad-dinja.

“Dan huwa mod ġdid ta’ kif Malta qed tistabilixxi kollaborazzjonijiet ta’ suċċess. L-esperjenza, l-għarfien u s-saħħa finanzjarja ta’ Shanghai Electric Power kienu kruċjali għar-ristrutturar tal-Enemalta. Illum qed naqtgħu l-frott”, sostna l-Ministru Mizzi.

Bl-istess mod, f’dan il-proġett, kienet importanti l-ħidma bejn Malta bħala membru tal-Unjoni Ewropea u l-Montenegro bħala pajjiż li qed jaspira li jidħol fl-Unjoni Ewropea. Żewġ pajjiżi simili fil-popolazzjoni u fit-tkabbir ekonomiku bla preċedent, u li għandhom rieda qawwija li jirnexxu.

Il-Ministru Mizzi qal li “Malta hija interessata li tagħmel lill-Ewropa post aħjar għaċ-ċittadini tagħha permezz ta’ proġetti simili fil-pajjiżi ġirien tagħna li joħolqu opportunitajiet fit-titjib tal-kwalità tal-ħajja”. 

Il-Ministru Mizzi temm jgħid li din hija l-ewwel storja ta’ suċċess bejn Malta, il-Montenegro u ċ-Ċina, u fil-futur din il-kollaborazzjoni pożittiva tista biss tinfirex f’aktar oqsma għall-benefiċċju ta’ kulħadd.

Jakkumpanjaw lill-Prim Ministru f’din l-inawgurazzjoni kien hemm ukoll il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ Carmelo Abela kif ukoll il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi li taħt ir-responsabbilità ministerjali tiegħu kien beda dan il-proġett.


pr192478a.jpg


pr192478b.jpg


pr192478c.jpg