Il-Ministru Carmelo Abela jkompli jiddiskuti mal-Institute for Global Change dwar kif Malta tista’ ssaħħaħ l-impatt tagħha fl-Afrika

Numru ta' Referenza:  , Data ta' l-Istqarrija : Lul 12, 2019
 

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ Carmelo Abela ltaqa’ mal-eks Prim Ministru tar-Renju Unit Tony Blair fil-kapaċità tiegħu bħala ċ-Chairman Eżekuttiv tal-Institute for Global Change, organizzazzjoni nongovernattiva li l-għan iddikjarat tagħha huwa li tgħin biex mill-globalizzazzjoni jgawdu l-ħafna, mhux il-ftit.

Il-laqgħa kompliet tibni fuq oħra li l-Ministru Abela u l-eks Prim Ministru Blair kellhom fil-marġini tal-Jiem Ewropej għall-Iżvilupp fi Brussell fit-18 ta’ Ġunju 2019, bis-suġġett ewlieni jkun kif Malta tista ssaħħaħ il-preżenza u l-impatt tagħha fl-Afrika.

Il-Ministru Abela rrimarka fuq kif Malta tqis lill-kontinentAfrikan bħala sieħeb importanti fil-qasam politiku u f’dak tal-kummerċ, fost l-oħrajn. Ir-rieda ta’ Malta li taħdem f’kollaborazzjoni mal-Afrika hija evidenti miż-zieda fl-interess kummerċjali u fl-investiment li qed jintwera kemm mill-Gvern kif ukoll mis-settur privat. Semma wkoll l-interess qawwi li hemm biex Malta sservi ta’ ċentru minn fejn isiru konnessjonijiet bl-ajru bejn l-Afrika u l-Ewropa, dan flimkien mal-ftuħ ta’ servizzi portwarji f’pajjiżna għall-kummerċ bejn il-Lvant u l-Punent tal-Afrika.

“Sa ftit ilu Malta ma kien għad għandha l-ebda missjoni diplomatika fl-Afrika ’l isfel mis-Saħara, iżda issa fetħet Kummissjoni Għolja fil-Ghana u ħatret ambaxxatur mhux residenti għall-Etjopja bil-għan li, fost l-oħrajn, jiġi promoss il-kummerċ. Diġà ġie reġistrat suċċess minn numru ta’ kumpaniji Maltin li bdew jagħmlu negozju ma’ dawn il-pajjizi. Il-Gvern Malti issa huwa ħerqan biex pajjiżna jkollu wkoll preżenza fin-naħa t’isfel tal-Afrika u biex isawwar kollaborazzjoni strutturata mal-Unjoni Afrikana,” qal il-Ministru Abela.

Il-laqgħa ffukat ukoll fuq possibilitajiet ta’ sħubija bejn Malta u l-Institute for Global Change sabiex jiġu kkreati iżjed opportunitajiet fil-kontinent Afrikan. Il-Ministru Abela semma l-kontribut li tista’ toffri Malta f’oqsma bħall-iżvilupp taż-żoni industrijali u l-blockchain. Irrefera wkoll għall-bżonn ta’ appoġġ lill-impriżi żgħar u medji Afrikani, li huma l-mutur għall-izvilupp, u għar-rwol li jista’ jkollhom impriżi żgħar u medji Maltin fl-Afrika.


pr191553a.jpeg