Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Carmelo Abela jirċievi d-Direttur Ġenerali u d-Deputat Ministru għall-Affarijiet Barranin u l-Espatrijati tal-Palestina

Numru ta' Referenza:  , Data ta' l-Istqarrija : Nov 15, 2019
 

“Il-proċess ta’ paċi għandu jinġieb lura għal ħajja flimkien ma’ pjan tanġibbli bil-parteċipazzjoni tal-partijiet rilevanti kollha” - il-Ministru Carmelo Abela


Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ Carmelo Abela ltaqa’ mad-Direttur Ġenerali u d-Deputat Ministru għall-Affarijiet Barranin u l-Espatrijati tal-Palestina, Amal Jadou fl-14 ta’ Novembru 2019. Dr Amal Jadou kienet ukoll akkumpanjata mill-Ambaxxatur tal-Palestina għal Malta, Fadi Hanania.


Matul il-laqgħa, il-Ministru Abela u Dr Jadou ddiskutew ir-relazzjonijiet bilaterali eċċellenti bejn Malta u l-Palestina, filwaqt li nnotaw li dawn ir-relazzjonijiet jistgħu jikbru biss minn saħħa għal saħħa. Dr Jadou rringrazzjat lill-Ministru għall-appoġġ ta’ Malta għad-drittijiet u l-aspirazzjonijiet inaljenabbli tal-poplu Palestinjan.


Id-diskussjonijiet iffukaw ukoll fuq l-iżviluppi fir-reġjun. Il-Ministru Abela ddikjara li l-proċess ta’ paċi jeħtieġ li jinġieb lura għall-ħajja flimkien ma’ pjan tanġibbli bil-parteċipazzjoni tal-partijiet rilevanti kollha, biex issir azzjoni konkreta fuq il-kwistjoni Iżraeli-Palestinjana.


Wara din id-diskussjoni, il-Ministru ltaqa’ ma’ grupp ta’ seba’ diplomatiċi Palestinjani u uffiċjali tal-protezzjoni ċivili li bħalissa jinsabu f’Malta jattendu korsijiet dwar l-Ingliż għan-Negozji u l-Protezzjoni Ċivili. Dawn il-korsijiet ġew organizzati u ffinanzjati mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ, f’koperazzjoni mal-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol u d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, u huma parti mill-isforzi ta’ Malta b’appoġġ għall-inizjattivi għall-bini tal-kapaċità għan-nies tal-Palestina. Rappreżentanti mill-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol u d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili kienu wkoll preżenti waqt din il-laqgħa.


Link għall-filmat: https://youtu.be/JjVz6fcsEEE



pr192459a.JPG 
 


 pr192459b.JPG



pr192459c.JPG



pr192459d.JPG 
 

 
pr192459e.JPG