Il-Forum Negozjanti Nisa Għarab-Ewropej isir għall-ewwel darba f’Malta biex jiffaċilita r-relazzjonijiet kummerċjali

Numru ta' Referenza:  , Data ta' l-Istqarrija : Nov 14, 2019
 

Il-Forum għan-Negozjanti Nisa Għarab–Ewropej sar għall-ewwel darba f’Malta bil-għan li jiffaċilita u jinkoraġġixxi nisa Għarab u Ewropej biex jistabbilixxu konnessjonijiet u relazzjonijiet kummerċjali. Il-Forum għan-Negozjanti Ewropej Għarab–Malta kien magħmul minn madwar 90 parteċipant bil-pajjiżi parteċipanti jinkludu l-Palestina, il-Ġordan, l-UAE, il-Kuwajt, l-Alġerija, il-Greċja, il-Litwanja, l-Iżvezja, l-Ukrajna, il-Mawritanja, it-Turkija.

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ Carmelo Abela indirizza l-Forum u qal kif is-sħubijiet li dan il-Forum għandhom jgħinu biex  ipoġġu fil-kuntest ir-realtajiet differenti ta’ ġurisdizzjonijiet diversi u l-modi differenti ta’ kif isir in-negozju.

Il-ministru enfasizza l-pożizzjoni ġeografika ta’ Malta bħala favorevoli biex tgħaqqad l-Ewropa kontinentali u l-Magreb. Dan flimkien mat-twemmin sod ta’ Malta fil-qasam tal-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi u l-emanċipazzjoni tal-mara fis-setturi kollha tas-soċjetà.

“Aħna nfittxu futur li fih in-nisa jeżerċitaw aktar poter u influwenza. Biex niksbu dan, irridu negħlbu r-rappreżentazzjonijiet sterjotipiċi tradizzjonali”, irrimarka l-Ministru Abela. 

Huwa żied li, “huwa biss billi niżguraw b’mod effettiv id-drittijiet tan-nisa u l-bniet li nistgħu nsostnu l-ambjent komuni tagħna, issa u għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin”.

Il-Ministru Abela qal li dan il-forum tan-negozju għan-nisa jaqbel mal-ħidma ta’ Malta biex jintlaħqu l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Magħquda 2030 fl-ugwaljanza bejn is-sessi. Informazzjoni ppubblikata fl-Indiċi SDG 2019 u d-Dashboards Report tpoġġi lil Malta fit-28 post, minn 162 pajjiż.

Dan huwa rikonoxximent tal-azzjonijiet kollettivi ta’ Malta fil-mixja lejn is-sostenibbiltà. “Il-Gvern jappoġġja r-rwol tan-negozju mhux biss fil-livell nazzjonali iżda wkoll fl-isfera internazzjonali fit-trawwim tal-avvanz tal-ugwaljanza bejn is-sessi u fil-kisba ta’ għanijiet ta’ żvilupp internazzjonali”, qal il-ministru.

Huwa nnota kif fil-kultura popolari in-nisa huma inqas probabbli li jiġu mpinġija bħala professjonisti, u nisa li għandhom impjieg huma sitt darbiet aktar probabbli li jkunu fi rwol ta’ segretarji mill-irġiel. Anqas minn tlieta fil-mija tal-kliem fil-kotba tal-istorja huma speċifikament dwar in-nisa, u ħamsa fil-mija biss tal-immaġini kollha ta’ figuri storiċi fil-kotba huma nisa li ma humiex ikkunsidrati bojod.

Il-Ministru Abela ħeġġeġ lill-mexxejja u lis-CEO biex jaqsmu l-viżjoni tagħhom dwar l-istat attwali u l-kooperazzjoni futura bejn ir-reġjun Għarbi u l-Ewropa fir-rigward tal-innovazzjoni u d-diġitalizzazzjoni. F’dan il-qasam hemm spazju abbundanti għall-parteċipazzjoni tan-nisa.

“Il-parteċipazzjoni sinifikanti tan-nisa fit-teħid tad-deċiżjonijiet dwar in-negozju hija tajba għan-negozju. U n-negozju, min-naħa tiegħu, iwassal għall-ħolqien u s-sostenn ta’ żvilupp ekonomiku, fiduċja, stabbiltà u paċi”, ikkonkluda l-Ministru Abela.

Dan il-Forum kien ukoll indirizzat mid-Direttur u d-Deputat Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Palestina Dr Amal Jadou. 


pr192449a.JPG 
 


pr192449b.JPG 
 


pr192449c.JPG 
 

 
pr192449d.JPG 
 


pr192449e.JPG 

Il-Ministru Carmelo Abela mad-Direttur u d-Deputat Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Palestina Dr Amal Jadou