Iffirmat ftehim bejn il-Gvern u l-UHM għal benefiċċju ta’ 123 membru tal-Korp Diplomatiku, wara 25 sena

Numru ta' Referenza:  , Data ta' l-Istqarrija : Aww 26, 2019
 
Illum il-Gvern u l-Union Ħaddiema Magħqudin iffirmaw ftehim li permezz tiegħu il-fuq minn mija u għoxrin membru tal-Korp Diplomatiku se jibdew igawdu minn titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom. Iċ-ċerimonja tal-iffirmar saret fil-binja tal-Ministeru, l-Belt Valletta. Ippresieda il-Ministru Carmelo Abela. 
 
Il-ftehim, li ser jidħol fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar ta’ din is-sena, gie ffirmat wara 25 sena minn mindu kien sar l-ewwel ftehim li kien irregola l- Korp Diplomatiku.
 
Fost affarijiet oħrajn, bil-ftehim il-ġdid l-impjegati fil-Korp Diplomatiku se jgawdu minn titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol li tinkludi l-opportunita’ li javvanzaw minn grad għal iehor f’iqsar zmien. Għall-ewwel darba, membri tal-Korp Diplomatiku li jagħtu s-servizz tagħhom  ibbażati hawn Malta, se jibbenefikaw ukoll minn kumpens finanzjarju
 
Fid-diskors tal-okkażjoni, l-Ministru Carmelo Abela semma’ kif dan huwa verament Gvern li jaħseb fil-ħaddiema. Huwa wera s-sodisfazzjon tiegħu li wara ħamsa u għoxrin sena sar qbil dwar ftehim li minnu ser igawdu dawk kollha fil-Korp Diplomatiku. Dan kollhu sar wara ħidma u negozjati twal bejn is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru u l-Union Ħaddiema Magħqudin, flimkien mat-timijiet rispettivi tagħhom. 
 
L-Onor Abela wera t-tama li aktar żagħzagħ jitħajjru jagħzlu karriera fid-Diplomazija li toffri opportunitajiet u esperjenzi varji barra l-pajjiz. Il-Ministru Abela sostna li jinsab konvint li dan il-ftehim ser iservi sabiex il-ħaddiema fil-Korp Diplomatiku jkunu aktar motivati u jkomplu jaħdmu b’reqqa u għaqal f’settur tant importanti għal pajjiżna. Huwa qal li fiż-żmien li ġej ser ikun qed jinħareġ reklutaġġ ieħor biex nagħtu opportunita lil żgħażagħ biex jagħżlu karriera fid-diplomazija fi ħdan il-Ministru responsabbili mill-Affarijiet Barranin.
 
“Bħalissa għaddejjin minn żmien sabiħ hekk kif wara kważi 40 sena, Malta qed taspira li sservi fil-Kunsill tas-Sigurta’ tan-Nazzjonijiet Magħquda bejn l-2023-2024, filwaqt li qed inżidu l-Ambaxxati barra minn Malta. Is-sena l-oħra għall-ewwel darba infetħet Ambaxxata fil-Għana fis-Sub-Saharan Afrika. Din is-sena bdejna x-xogħol preparatorju sabiex tinfetaħ Ambaxxata f’Tokyo u konsolat fil-Marokk. Dan ifisser ħafna opportunitajiet ġodda għal dawk iż-żgħażagħ li interessati f’karriera fil-Korp Diplomatiku f’Ambaxxati Maltin barra minn xtutna”, ikkonkluda l-Onor Abela.  
 
Il-Kap Eżekuttiv tal-Union Ħaddiema Magħqudin is-Sur Josef Vella, semma’ li llum huwa l-qofol tal-proċess tan-negozjati fejn instab kompromess aħħari għal ġid tas-servizz diplomatiku. “Dan huwa servizz ta’ korp li jaħdem f’silenzju. Klassi ta’ ħaddiema li jridu jagħmlu ħafna xogħol importanti f’dinja globalizzata. Ħafna xogħol ta’ preparamenti fuq trattati bejn pajjiżi differenti. Wieħed għandu jammira d-dedikazzjoni li għandhom dawn il-ħaddiema għal xogħol li jagħmlu mingħajr ħafna daqq tat-trumbetti”, qal is-Sur Vella. Huwa irrimarka li kien hemm bżonn li jsir dan il-ftehim u li llum jinsabu kuntenti li qegħdin hawnhekk biex jaraw li din il-professjoni tkompli tissaħħaħ. F’isem il-UHM huwa appella sabiex iżjed żgħażagħ jitħajru jingħaqdu f’karriera diplomatika. Ikkonkluda billi qal li l-UHM temmen li llum saru pedamenti tajbin sabiex dawk interessati jkunu jistgħu jimirħu. Huwa irringrazzja lil Ministru Abela, is-Segretarju Permanenti AMB. Formosa u l-Industrial Relations Unit fi ħdan l-Uffiċju tal-Prim Ministru. 
 
Għan-naħa tal-Gvern il-Ftehim kien iffirmat mis-Segretarju Permanenti tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ  AMB Fiona Formosa u mid-Direttur Victor Grech, filwaqt li  s-Sur Jesmond Bonello u s-Sur Edwin Balzan iffirmaw għall-Union Ħaddiema Magħqudin.




OMAR3208 copy.jpg


OMAR3268 copy.jpg


OMAR3307 copy.jpg


IMG_7512.JPG


IMG_7256.JPG