Allokazzjoni ta’ €2.1 miljun biex l-edukaturi kollha fl-iskejjel tal-knisja jibbenefikaw mill-istess faċilitajiet offruti lill-edukaturi fl-iskejjel tal-istat

Numru ta' Referenza:  , Data ta' l-Istqarrija : Set 16, 2019
 

Wara taħdidiet bejn il-Kurja u l-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol – diskussjonijiet li kienu preseduti mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ – il-Gvern ta’ Malta assigura finanzjament biex jipprovdi laptops lill-edukaturi kollha impjegati fl-iskejjel tal-knisja. Waqt dawn it-taħdidiet, kummissjoni konġunta rrevediet il-ftehim li ġie ffirmat bejn is-Santa Sede u Malta f’Novembru 1991 u minkejja li ħareġ li l-Gvern Malti mhuwiex legalment obbligat mill-imsemmi ftehim li jipprovdi dawn il-fondi, madankollu l-Gvern xorta waħda għażel li jipprovdi b’mod volontarju dawn il-laptops.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Evarist Bartolo saħaq li biex jintlaħaq dan il-qbil, il-Gvern Malti ħares lil hinn mill-ittra ta’ ftehim bejn l-istat ta’ Malta u s-Santa Sede u fl-ispirtu ta’ kollaborazzjoni ddeċieda li jagħti €2.1 miljun biex dan imur lejn ix-xiri ta’ laptops għall-edukaturi tal-iskola tal-Knisja.

“Dan kollu huwa mezz biex naslu fejn irridu naslu. Irridu naħdmu flimkien biex nedukaw u ntellgħu liż-żgħażagħ tagħna skont il-valuri li nsibu fid-dokumenti ta’ edukazzjoni tal-Vatikan li huma bbażati fuq umaniżmu fraternali. Irridu li l-iskejjel tagħna jkunu iktar minn fabbriki fejn l-istudenti jgħaddu mit-testijiet u l-eżamijiet u jakkwistaw iċ-ċertifikati. Fi żmien meta ninsabu ffaċċjati bid-deżertifikazzjoni li tiġi mill-materjaliżmu, irridu nkabbru liż-żgħażagħ tagħna biex jitgħallmu kif jgħixu flimkien f’soċjetà umana. Hemm dawk li jaħdmu biex ixerrdu l-mibegħda. L-esklużjoni u d-diskriminazzjoni huma faċli. L-inklużjoni hija diffiċli u l-atti ta’ ċiviltà. Ejjew nagħżlu t-triq diffiċli li tagħmilna iktar umani”, qal il-Ministru Bartolo.

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ Carmelo Abela ddikjara li edukazzjoni tajba għandha s-saħħa li tibdel il-ħajjiet. “Permezz tal-edukazzjoni, ma nfissrux biss it-tagħlim tal-qari u l-kitba, l-aritmetika, ix-xjenza u l-lingwi ġodda. Aħna naraw l-edukazzjoni bħala l-proċess li permezz tiegħu il-ġenerazzjoni żagħżugħa tagħna tiġi mgħammra bl-għodda meħtieġa biex ikunu jistgħu jikbru u jsiru adulti indipendenti ta’ suċċess. U hekk kif uliedna jitgħallmu, jikbru, jirnexxu, hekk jagħmel il-pajjiż kollu magħhom”, innota l-Ministru Abela.

Il-Ministru Carmelo Abela ddikjara li l-Gvern se jalloka total ta’ €2.1 miljun għal din l-inizjattiva, li se tara edukaturi fl-iskejjel tal-Knisja jibbenefikaw mill-istess faċilitajiet offruti lill-kontropartijiet tagħhom fi skejjel tal-istat madwar Malta u Għawdex.

​“Din hija evidenza oħra tanġibbli tar-relazzjonijiet bilaterali eċċellenti li jeżistu bejn Malta u s-Santa Sede. Matul l-aħħar snin, ir-rabtiet bilaterali tagħna mxew ferm ‘il quddiem. Kellna diversi żjarat ta’ livell għoli u diskussjonijiet li marru lil hinn minn sempliċiment opportunitajiet għat-teħid tar-ritratti biex nipproduċu riżultati konkreti bħal dak li qed inħabbru llum fil-qasam edukattiv”, ikkonkluda l-Ministru Abela.


pr191907a.jpg


pr191907b.jpg


pr191907c.jpg


pr191907d.jpg


pr191907e.jpg