€1 miljun kofinanzjat mill-UE għal pjattaforma online li tgħin lill-kumpaniji fir-riċerka tas-swieq internazzjonali – 200 kumpanija diġà bbenefikaw

Numru ta' Referenza:  , Data ta' l-Istqarrija : Nov 14, 2019
 

Aktar minn 200 kumpanija bbażata f’Malta diġà bbenefikaw minn pjattaforma online minn TradeMalta biex tgħinhom fit-twettiq ta’riċerka tas-swieq internazzjonali qabel ma jesploraw l-esportazzjoni fis-swieq barranin. Dan il-proġett, bl-isem “Internationalisation Knowledge Platform” iffinanzjat minn fondi Ewropej, jikkonsisti f’investiment ta’ madwar miljun ewro u huwa mmirat biex jgħin lill-kumpaniji biex jirnexxu fis-swieq internazzjonali.

Il-konferenza kienet indirizzata mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ Carmelo Abela flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Fondi tal-Unjoni Ewropea Aaron Farrugia. Fil-kummenti tiegħu, il-Ministru Abela nnota b’sodisfazzjon li din l-iskema hija l-ewwel port ta’ sejħa għal kull kumpanija bbażata f’pajjiżna biex taċċessa l-informazzjoni fis-swieq tal-esportazzjoni. 

Huwa rrimarka li din il-Pjattaforma tal-Għarfien dwar l-Internazzjonalizzazzjoni, bħall-attivitajiet l-oħra li jsiru minn TradeMalta, tirrappreżenta l-integrazzjoni bejn il-portafoll tal-affarijiet barranin u l-funzjoni kummerċjali. “Bdejna l-vjaġġ. It-triq tal-integrazzjoni tar-rwol tradizzjonali tal-Uffiċċju tal-Affarijiet Barranin u l-funzjoni kummerċjali magħrufa bħala diplomazija kummerċjali f’diversi pajjiżi, hija waħda mill-miri ewlenin tal-Ministeru. Aħna determinati li nkomplu nimxu fid-direzzjoni tad-diplomazija kummerċjali ”, qal il-Ministru Abela.

Is-Segretarju Parlamentari Aaron Farrugia qal li bil-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali qed niffinanzjaw proġetti fis-settur tan-negozji u l-kummerċ ta natura infrastrutturali fosthom l-innovation hub fix-Xewkija Għawdex u l-Crafts Village f’Ta’ Qali. Iktar minn hekk qed ninvestu €30 miljun fi grants għan-negozji żgħar u medji permezz ta’ seba skemi, kif ukoll self u garanziji permezz tal-iskema SME initiative, u proġett bħal dan ta madwar €1 miljun li bihom TradeMalta kompliet bil-ħidma tagħha biex tiffaċilita l-ħidma ta negozji Maltin biex jesportaw u jesebixxu s-servizz u l-prodott tagħhom f’dinja li kull ma jmur issir iktar kompetittiva u globalizzata”,  qal is-Segretarju Parlamentari Farrugia. 

Fil-kummenti tagħhom, ic-CEO ta’ TradeMalta Anton Buttigieg u c-COO Joseph Schembri nnutaw li din il-pjattaforma tal-għarfien dwar l-internazzjonalizzazzjoni hija punt importanti għal TradeMalta. TradeMalta assistiet aktar minn 200 SME f’wirjiet varji tal-kummerċ, ħadet 122 kumpanija fuq missjonijiet kummerċjali, inkluż 6 missjonijiet għal swieq emerġenti.

Dan il-proġett hu kofinanzjat taħt il-Programm Operazzjonali I -Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej 2014-2020 “Inrawmu ekonomija kompetittiva u sostenibbli biex nilħqu l-isfidi tagħna”. Aktar minn 500 kumpanija rreġistraw fuq il-portal online ta’ TradeMalta.


pr192451a.JPG


pr192451b.jpg


pr192451c.JPG


pr192451d.jpg