“Iż-żgħażagħ tal-Lvant Nofsani u l-Mediterran huma l-katalisti tal-bidla”- il-Ministru Carmelo Abela

Numru ta' Referenza:  , Data ta' l-Istqarrija : Aww 26, 2019
 
Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ Carmelo Abela pparteċipa fis-summit bl-isem, “Il-Lvant Nofsani u l-Mediterran” (MEM), li sar ġewwa Lugano fl-Isvizzera. Is-summit kien organizzat mill- Università della Svizzera Italiana li kien jikkonsisti f’seminar fuq tmient ijiem u jumejn ta’ forum pubbliku ta’ livell għoli. L-għan tas-seminar kien li jiffaċilita diskussjonijiet u skambji fost innovaturi żgħażagħ tar-reġjun tal-Mediterran bil-ħsieb li jiġu esplorati soluzzjonijiet alternattivi, lil hinn mill-fruntieri nazzjonali.

 

Il-Ministru Abela għamel diskors bħala parti minn panel li iddiskuta “Il-Bidla permezz tad-djalogu: il-Ministri u dawk li jfasslu l-bidla jingħaqdu flimkien”. Il-Ministru tkellem maż-żgħażagħ mil-Lvant Nofsani u l-Mediterran dwar il-ħtieġa li jirrikonoxxuhom bħala katalisti għall-bidla.

 

Huwa rringrazzja wkoll lill- Università della Svizzera Italiana, għall-appoġġ mogħti waqt il-Forum preparatorju dwar iż-Żgħażagħ, l-Edukazzjoni u l-Mobilità li sar f’Malta f’April fil-kuntest tas-Summit taż-Żewġt Ixtut f’Marsilja. Il-Ministru afferma li l-Forum ta’ Malta, bħas-Summit MEM kien ikkaratterizzat mill-approċċ tagħha mmexxi miż-żgħażagħ, u laqa’ l-organizzazzjoni ta’ inizjattivi bħal dawn, li jipprovdu pjattaforma biex tagħti s-setgħa lill-ġenerazzjoni tal-Mediterran tal-lum.

 

Il-Ministru Abela kellu wkoll laqgħa bilaterali mal-kontroparti Svizzeru tiegħu, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin, Ignazio Cassis, sabiex tkun diskussa aktar kollaborazzjoni bejn l-Isvizzera u l-Akkademja tal-Mediterran għall-Istudji Diplomatiċi. Il-Ministri ddiskutew ukoll is-sitwazzjoni politika fil-Libja u l-isfida tal-migrazzjoni fil-Mediterran.​ 





pr191782a.jpg 


pr191782b.jpg 
 
 
pr191782c.jpg 
 
 
pr191782d.jpg