Is-suċċess tal-intrapriżi Maltin barra minn xtutna huwa s-suċċess ta’ Malta – Carmelo Abela waqt żjara lill-kumpanija lokali Megabyte, li qed tirnexxi fl-ICT għal-linji tal-ajru fuq livell internazzjonali

Numru ta' Referenza:  , Data ta' l-Istqarrija : Diċ 16, 2019
 

Filmat: https://www.youtube.com/watch?v=54znz6PJVhQ&feature=youtu.be

“Is-suċċess tagħkom barra minn xtutna huwa s-suċċess tal-ekonomija ta’ Malta,” innota l-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ Carmelo Abela, meta żar l-intrapriża Maltija Megabyte Ltd fil-Mosta. Huwa rrimarka kif Megabyte, kumpanija li bdiet bħala start-up immexxija minn familja Maltija 40 sena ilu, illum mhux biss kisbet fama kbira lokalment fis-settur tal-ICT, iżda wkoll kisbet il-kapaċità li tespandi fi swieq internazzjonali bħal Dubai. Kumpaniji bħal Megabyte akkwistaw għexieren ta’ snin ta’ esperjenza fis-settur tal-ICT, u llum qegħdin f’pożizzjoni b’saħħitha biex jaqsmu l-esperjenza tagħhom ma’ klijenti internazzjonali.

Il-Ministru Abela faħħar lil Megabyte li, permezz tal-iżvilupp riċenti ta’ software li jindirizza sistema ta’ profittabilità tar-rotot tal-linji tal-ajru, issa qed juru l-interess li jespandu iżjed fil-fora tan-negozju internazzjonali tal-industriji tal-linji tal-ajru, b’enfasi fuq il-kontinent Afrikan u s-swieq tal-Balkani.  Il-Ministru Abela qal li permezz tal-prijorità li qed tagħti lill-promozzjoni tal-kummerċ, Malta qed tbiddel ir-relazzjonijiet politiċi f’dawk kummerċjali, billi taħdem flimkien ma’ intrapriżi Maltin li qed ifittxu fruntieri ġodda għall-kummerċ, fil-ħolqien ta’ opportunitajiet ta’ negozju internazzjonali.

Fir-rigward tal-Balkani, il-Ministru nnota li Malta tappoġġja l-interess qawwi muri mill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent fit-titjib tar-relazzjoni tagħhom mal-Unjoni Ewropea, u li wara li nbnew relazzjonijiet politiċi eċċellenti, Malta u l-Balkani għandhom fejn jesploraw it-tisħiħ tar-rabtiet kummerċjali. Fir-rigward tas-suq Afrikan, il-Ministru Abela nnota li, f’konformità mal-viżjoni tal- Unjoni Ewropea, Malta qed tħares lejn it-tisħiħ tar-relazzjonijiet kummerċjali ma’ dan il-kontinent billi tikkunsidrah bħala sieħeb kummerċjali strateġiku. Huwa nnota li s-sena l-oħra, Malta fetħet missjoni diplomatika ġdida fil-Ghana, u li bħalissa l-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ qed ifassal strateġija għall-Afrika li tiffoka fuq l-opportunitajiet kummerċjali. Il-Ministeru qed jaħdem biex jorganizza delegazzjonijiet kummerċjali għas-sena 2020, lejn l-Etjopja, il-Ghana, il-Kosta tal-Avorju u r-Rwanda.

Il-Ministru Abela enfasizza l-fatt li bil-ftuħ u t-tisħiħ ta’ missjonijiet diplomatiċi madwar id-dinja, l-iffirmar ta’ ftehimiet politiċi u kummerċjali ma’ pajjiżi differenti u l-organizzazzjoni ta’ delegazzjonijiet tal-kummerċ f’partijiet diversi tad-dinja, il-gvern qed jiffaċilita l-ħidma tal-intrapriżi Maltin. Dan billi qed jgħinhom jilħqu stat ta’ eċċellenza fil-kapaċitajiet tagħhom u jiffaċilitalhom l-aċċess għas-swieq f'kontinenti differenti.

Huwa żied li kumpaniji bħal Megabyte Ltd għandhom rwol dejjem aktar ċentrali fid-dinamiżmu ekonomiku u s-suċċess ta’ Malta. “Li jkollok sistemi tal-ICT b’saħħithom huwa kruċjali għall-pajjiż, biex ikun f’pożizzjoni b’saħħitha biex jattira investiment barrani,” qal il-Ministru. “Is-suċċess ta’ Megabyte Ltd jista’ jissarraf f'benefiċċji miżjuda għal kumpaniji Maltin oħra li qed ifittxu li jkabbru l-operazzjonijiet tagħhom u qed ifittxu li jiksbu aċċess għal swieq internazzjonali fejn jidħol it-tisħiħ tal-infrastruttura informatika,” ikkonkluda il-Ministru Abela.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Megabyte Antoine Bartolo indirizza l-avveniment, fejn spjega kif Megabyte hija waħda mill-ewwel kumpaniji tal-IT f’Malta li qed tiżviluppa firxa vasta ta’ soluzzjonijiet informatiċi. Huwa tkellem dwar is-software żviluppat reċenti tagħhom, u kif qed ifittxu li jippenetraw swieq ġodda. “L-Airline Route Profitability Solution (ALMIRA) huwa software uniku li jipprovdi effiċjenza operattiva mtejba lill-klijent. Aħna wieħed minn numru żgħir ta’ kumpaniji mad-dinja kollha li joffru t-tali soluzzjoni. Nixtiequ nirringrazzjaw lil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin talli qegћdin jagћmlu l-almu tagћhom biex jgħinu lill-Megabyte tikseb is-suċċess barra minn Malta,” ikkonkluda s-Sur Bartolo.

Għal aktar informazzjoni fuq il-kumpanija, żur is-sit https://www.megabyte.net/


pr192641a.jpg 



pr192641b.jpg



pr192641c.jpg 
 


pr192641d.jpg 



pr192641e.jpg