“Kunu attivi, staqsu, kunu kurjużi u żommu moħħ miftuħ” – Il-Ministru Carmelo Abela lil grupp ta’ 50 żagħżugħ/a mill-Ewropa u l-Asja

Numru ta' Referenza:  , Data ta' l-Istqarrija : Aww 06, 2019
 

Waqt konferenza tal-Model Asia-Europe Meeting, li kienet organizzata mill-Malta Model United Nations Society u l-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ u l-Kunsill Studenti Universitarji, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ Carmelo Abela qal lid-diplomazija taż-żgħażagħ hija tema importanti ħafna li ssaħaħ il-vuċi tagħhom. F’dan ir-rispett il-youth empowerment huwa kruċjali kemm għall-pajjiż, kif ukoll għaż-żgħażagħ. Il-promozzjoni tad-drittijiet, attiviżmu u l-involviment taż-żgħażagħ fejn jidħlu d-deċiżjonijiet hija xi ħaġa li għandha tingħata appoġġ kontinwu, żied jgħid il-Ministru.

Huwa qal li għalkemm hemm il-perċezzjoni li xi kultant iż-żgħażagħ ma jinteressahomx mill-politika, il-Ministru żied jgħid li mill-esperjenza tiegħu dan mhux il-każ. Huwa semma diversi eżempji, fosthom opportunità riċenti fejn iltaqa’ ma’ tmien żgħażagħ minn small island states (SIDS) li ntgħażlu bħala Young Ambassadors for Climate Change and Oceans li qegħdin iqajmu l-għarfien rigward it-tibdil tal-klima.

Fuq livell ta’ gvern, żied jgħid il-Ministru, din l-amministrazzjoni diġà ħadmet qatiegħ biex iż-żgħażagħ ikunu involuti iżjed. Huwa semma kif is-sena li għaddiet Malta saret it-tieni pajjiż Ewropew u wieħed minn ftit pajjiżi fid-dinja fejn l-età li wieħed irid ikollu biex jivvota hija ta’ sittax-il sena. Infatti, 8000 żgħażagħ u żagħżugħa ta’ 16 u 17-il sena kellhom l-opportunità li jivvutaw din is-sena fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew.

Fl-aħħar elezzjonijiet tal-kunsilli lokali, ġie wkoll innutat li ż-żgħażagħ kienu aktar attivi. Il-Ministru Carmelo Abela qal li hu kuntent jinnota li kellek ħafna żgħażagħ li ġew eletti fil-kunsilli lokali. Huwa qal li dan huwa fatt inkoraġġanti li jgħin aktar żgħażagħ ikunu attivi fil-komunitajiet tagħhom. Il -parir tal-Ministru lil dawn iż-żgħażagħ kien biex ikomplu jkunu attivi, ikomplu jsaqsu u jkomplu jkunu kurjużi filwaqt li jżommu moħħ miftuħ li jgħinhom jiggwadanjaw aktar għarfien.

L-ASEM hija organizzazzjoni ta’ 53 membru; b’51 pajjiż u żewġ organizzazzjonijiet intergovernattivi li tiffoka fuq interessi komuni bejn l-Asja u l-Ewropa.

Malta daħlet fl-ASEM fl-2004 mad-dħul tagħha fl-Unjoni Ewropea u tidentifika mal-għanijiet tal-ASEM li jinkludu aktar kuntatt bejn nies u poplu differenti. L-aħħar laqgħa tal-Ministri Barranin tal-ASEM li saret f’Novembru tal-2017 u t-tieni laqgħa li ser issir f’Madrid f’Diċembru li ġej.

Din il-konferenza li kienet organizzata mill-KNŻ, KSU u l-MALTMUN ġabet l-isem ta’ Model ASEM Spin-off Malta 2019 fejn saret simulazzjoni bejn iż-żgħazagħ ta’ dak li jiġri fil-laqgħat tal-ASEM.

Filmat: https://youtu.be/vvXgy5hYDbc


pr191711a.JPG 
 


pr191711b.JPG 
 
 

pr191711c.JPG 
 

 
pr191711d.JPG 
 
 

pr191711e.JPG