L-15-il laqgħa tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tad-Djalogu 5+5 tal-Mediterran tal-Punent

5+5 Malta (17-18 TA’ JANNAR 2019)


SKEDA INFORMATTIVA


  • X’inhu l-5+5?


Id-Djalogu 5+5, magħruf ukoll bħala d-Djalogu tal-Mediterran tal-Punent, huwa laqgħa informali li ġġib flimkien liż-żewġt ixtut tal-Mediterran tal-Punent – Franza, l-Italja, Malta, il-Portugall, u Spanja min-naħa Ewropea, u l-Alġerija, il-Libja, il-Marokk, il-Mawritanja, u t-Tuneżija min-naħa tal-Afrika ta’ Fuq. Magħhom jingħaqdu wkoll, bħala osservaturi, l-Unjoni Ewropea, l-Unjoni għall-Mediterran, l-Unjoni tal-Magreb Għarbi, l-Assemblea Parlamentari għall-Mediterran,  u l-Fondazzjoni Anna Lindh - organizzazzjoni internazzjonali ta’ 43 pajjiż Ewro-Mediterranju bl-iskop li tlaqqa’ lin-nies flimkien u tippromwovi d-djalogu interkulturali.


Ir-raison d’être tal-5+5 huwa li jkun hemm koperazzjoni eqreb bejn il-pajjiżi tal-UE u dawk tal-Maghreb, bil-għan li jissaħħu l-koperazzjoni u l-integrazzjoni reġjonali fil-Mediterran. Din l-istruttura sottoreġjonali hija rilevanti ħafna fil-kuntest tas-sigurtà u l-istabbiltà fil-Mediterran, minħabba li tkompli tippromwovi d-djalogu, it-tisħiħ tal-fiduċja, u l-iskambju tal-informazzjoni fil-Mediterran tal-Punent.



  • Din hija l-ewwel darba li Malta qed tospita l-laqgħa tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tad-Djalogu 5+5?


Fl-2005 Malta ospitat il-ħames laqgħa tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-5+5. Fl-2012, Malta ospitat it-tieni Laqgħa Għolja tal-5+5 li fiha, immedjatament wara r-Rebbiegħa Għarbija, l-għaxar Kapijiet ta’ Stat jew Gvern adottaw dikjarazzjoni b’firxa wiesgħa fuq għadd ta’ temi li jvarjaw mid-djalogu politiku għall-edukazzjoni u ż-żgħażagħ.



  • Malta meta ħadet il-kopresidenza tal-5+5?


Malta ħadet ir-responsabbiltà tal-kopresidenza tan-naħa ta’ fuq (mingħand Franza) għal perjodu ta’ sentejn f’Alġeri matul l-14-il laqgħa tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-5+5, li saret fil-21 ta’ Jannar 2018.



  • Fejn u meta saru l-ħames laqgħat Ministerjali ta’ qabel?


L-14-il waħda saret f’Alġeri (il-21 ta’ Jannar 2018), it-13-il waħda f’Marsilja (it-28 ta’ Ottubru 2016), it-12-il waħda f’Tanġier (is-7 ta’ Ottubru 2015), il-11-il waħda f’Liżbona (it-22 ta’ Mejju 2014), l-10 waħda f’Nouakchott (is-16 ta’ April 2013), u d-9 waħda f’Ruma (l-20 ta’ Frar 2012). Il-laqgħa tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin issir darba fix-xatt ta’ fuq u darba fx-xatt ta’ isfel tal-Mediterran tal-Punent.



  • X’kienu l-konklużjonjiet tal-aħħar laqgħa Ministerjali?


Il-laqgħa ministerjali tas-sena l-oħra f’Alġeri ffukat fuq l-isfidi ewlenin tal-Mediterran, partikularment il-promozzjoni tal-iżvilupp inklużiv u komuni. Hemmhekk, il-Ministri, kif ukoll l-entitajiet sħab preżenti, esprimew ix-xenqa tagħhom li jaħdmu flimkien sabiex jinstabu tweġibiet prattiċi għal kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-iżvilupp ekonomiku, soċjali, u sostenibbli fir-reġjun, u enfasizzaw il-ħtieġa li jinħoloq ix-xogħol.



  • X’inhu mistenni li joħroġ minn din il-laqgħa Ministerjali?


It-tema ta’ din il-laqgħa Ministerjali se tkun “Working Together: a Sustainable Future for the Western Mediterranean”. Fil-kuntest tal-isfidi li jeżistu fir-reġjun tagħna, il-laqgħa se tipprovdi opportunità għal skambju sinċier ta’ fehmiet dwar materji ta’ importanza reġjonali li l-parteċipanti kollha għandhom interess fihom, bħall-qagħda fil-Libja, il-proċess tal-paċi fil-Lvant Nofsani, is-Saħel, kif ukoll kwistjonijiet bħall-migrazzjoni u t--ibdil fil-klima. Il-laqgħa se tfittex ukoll li tindirizza l-opportunitajiet eżistenti rigward kwistjonijiet importanti u rilevanti ħafna bħall-iżvilupp sostenibbli u l-irwol taż-żgħażagħ.



  • Il-format 5+5 huwa limitat biss għall-qasam tal-Affarijiet Barranin?


Le, il-format tal-5+5 ikopri l-koperazzjoni f’għadd ta’ oqsma, fosthom il-migrazzjoni, id-difiża, l-intern, it-turiżmu, il-finanzi, l-edukazzjoni, l-ambjent/l-enerġija, il-kultura, u t-trasport.



Ghall-akkreditazzjoni rreġistra online fuq: https://5plus5.tag.com.mt/f/media

​​​​​​​​​​​​​​​​​​
DJALOGU 5+5 TAL-MEDITERRAN TAL-PUNENT
Indirizz
Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ
Palazzo Parisio
Triq Il-Merkanti
Valletta, VLT 1171
Malta

Telefown
2124 2191

Fax
2123 6604

Imejl