Jum l-Indipendenza ta’ Malta ċċelebrat mill-Uffiċċju Rappreżentattiv ta’ Malta f’ Ramallaħ, il-Palestina

Numru ta' Referenza:  , Data ta' l-Istqarrija : Set 16, 2019
 

Nhar it-Tlieta 10 ta’ Settembru 2019, il-Kap tal-Uffiċċju Rappreżentattiv tar-Repubblika ta’ Malta f’ Ramallaħ, il-Palestina, is-Sur Reuben Gauci, u martu Dott Olga V. Gauci laqgħu għadd sabiħ ta’ mistednin fiċ-Ċentru għall-Konservazzjoni Arkitettonika Riwaq li jinsab sitwat f’ Al Sharafeh, Triq Nablus, f’ Ramallaħ, il-Palestina , għal riċeviment sabiex ikun iċċelebrat l-55 anniversarju tal-Jum meta Malta kisbet l-Indipendenza tagħha,  fil-21 ta’ Settembru 1964. Għal dan ir-riċeviment attendew mistednin Palestinjani distinti, Rappreżentanti Diplomatiċi ta’ pajjiżi varji akkreditati għall-Palestina, kif ukoll ħbieb ta’ Malta.

Matul dan ir-riċeviment, ġie mgħoddi l-messaġġ tal-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ, l-Onor Carmelo Abela, liema messaġġ huwa maħsub għal udjenzi  li jipparteċipaw waqt r-riċevimenti mtella’ mill- Missjonijiet Maltin barra minn Malta.

Wara l-messaġġ tal-Ministru Abela, ir-Rappreżentant Malti għamel diskors bil-lingwa Għarbija, bi traduzzjoni għall-Ingliż moqrija minn martu Dott Olga V. Gauci. Fid-diskors tiegħu, ir-Rappreżentant semma ż-Żjara tal-President tar-Repubblika ta’ Malta fil- Palestina li saret bejn 30-31 ta’ Jannar 2019, mill-President ta’ dak iż-żmien, l-Eċċellenza Tagħha l-President Emeritu Marie Louise Coleiro Preca. Fid-diskors tiegħu r-Rappreżentant qal ukoll li r-relazzjonijiet bejn Malta u l-Palestina huma eċċellenti , kif dejjem kienu eċċellenti matul id-deċenji passati.  Huwa semma l-kburija li Malta għandha bl-investimenti Palestinjani li tosspita ġewwa fiha kif ukoll aċċenna l-pjaċir li Malta għandha li tipprovdi boroż ta’ studju lil studenti Palestinjani regolarment b’ mod annwali.  Ir-Rappreżenatant Gauci ikkonkluda billi qal li jixtieq li Malta dejjem tkun preżenti fil-Palestina u emfasizza l-impenn ta’ Malta lejn l-Għan tal-Proċess ta’ Paci sabiex ikun jista’ jiġi miksub Stat Indipendenti, demokratiku u vijabbli tal-Palestina, li jgħix maġenb l-Istat ta’ Iżrael. 

Wara d-diskors tar-Rappreżentant Malti, l-udjenza semgħet id-diskors tal E.T. l-Ambaxxatur Majdi Khaldi, Konsulent Diplomatiku Anzjan tal-President tal-Palestina, li attenda r-riċeviment bħala Rappreżentant tal-Uffiċċju tal-President tal-Palestina, l-E.T. Mahmoud Abbas. Matul id-diskors tiegħu, l-Ambaxxatur Khaldi qal li l-Palestina hija dejjem osservanti u grata għas-sostenn li ġiet mogħtija minn Malta u apprezza l-preżenza kontinwa ta’ Malta fil-Palestina.    

Mistiedna distinti oħra waqt dan ir-riċeviment kienu, il-Ministru Palestinjan għall-Affarijiet Soċjali, l-E.T. Dott Ahmed  Majdalani, il-Ministru Palestinjan għall-Kultura, l-E.T. Dott Atef Abu Seif, in-Negozjant għar-Rikonċiljazzjoni Intra-Palestinjana, l-E.T. Azzam Al Ahmad, is-Sindku ta’ Bethlehem, l-E.T. l-Avukat Anton Salman u l-Konslu Onorarju tar-Repubblika ta’ Malta f’ Bethlehem, is-Sur Elias Alarja.

L-Uffiċċju Rappreżentattiv jixtieq jirringrazzja lill- Istaff  Lokali tiegħu, is-Sur Fareed Eluri u s-Sur Rani Salah,  għax-xogħol tagħhom sabiex dan ir-riċeviment setgħa ikun ta’ suċċess.   


70235772_2464134190331170_3524342359418470400_o.jpg


70806501_2464137526997503_7012560801177272320_o.jpg