Il-Kantanta Għawdxija Miriam Christine Borg iġġib lil Malta fil-Palestina permezz tal-kanzunetti tagħha bl-ilsien Malti

Numru ta' Referenza:  , Data ta' l-Istqarrija : Diċ 09, 2019
 

Nhar is-Sibt 30 ta’ Novembru 2019, il-Ħadd 1 ta’ Diċembru 2019 u s-Sibt 7 ta’ Diċembru 2019, il-kantanta Għawdxija Miriam Christine Borg kantat fil-Kunċert tal-Mixgħela tas-Siġra tal-Milied fl-ibliet Palestinjani ta’ Bethlehem, Ramallah u Beit Sahour rispettivament, liema kunċerti huma rinomati u jiġbdu lejhom attendenzi kbar. Permezz ta’ din il-parteċipazzjoni, il-kantanta Miriam Christine ġabet lil Malta fil-Palestina permezz tal-kanzunetti tagħha bl-ilsien Malti.

Miriam Christine kantat il-kanzunetta magħrufa u tradizzjonali Maltija tal-Milied, “ Lejl tax-Xitwa ġewwa Bethlehem,” matul il-Kunċert tal-Mixgħela tas-Siġra tal-Milied f’ Bethlehem, filwaqt li waqt il-Kunċerti ta’ Ramallah u Beit Sahour kantat il-kanzunetti oriġinali u ġodda tagħha,   “ Ħaġa waħda biss ” u “ Kuraġġ ħabib ” rispettivament. Matul iż-żjara tagħha, Miriam Christine kienet akkompanjata u assisstita mir-Rappreżentant ta’ Malta fil-Palestina, is-Sur Reuben Gauci.

Miriam Christine kienet mistiedna mill-Uffiċċju Rappreżentattiv tar-Repubblika ta’ Malta f’ Ramallah, il-Palestina bis-sostenn tal-Konsulat Onorarju ta’ Malta f’ Bethlehem. L-Uffiċċju Rappreżentattiv ta’ Malta jixtieq jirringrazzja lill-Muniċipalitajiet ta’ Bethlehem, Ramallah u Beit Sahour għall-ospitalita’ tagħhom.​ 


78103685_2525301734451993_3631256937368125440_n.jpg


78104113_2525301781118655_6861562876469968896_n.jpg


78693579_2531696097145890_7504345087829082112_n.jpg