Dibattitu tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar “Ir-Responsabbiltà għall-Ħarsien u l-prevenzjoni tal-ġenoċidju, it-tindif etniku, tad-delitti tal-gwerra, u reati kontra l-umanità”

Numru ta' Referenza:  , Data ta' l-Istqarrija : Lul 01, 2019
 

Fis-27 ta’ Ġunju, Malta pparteċipat fid-dibattitu tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti bit-titlu “Ir-Responsabbiltà li Nipproteġu u l-prevenzjoni tal-ġenoċidju, it-tindif etniku, tad-delitti tal-gwerra, u r-reati kontra l-umanità”.

Fi stqarrija mogħtija minn Darren Camilleri, Koordinatur Politiku fil-Missjoni Permanenti ta’ Malta għan-Nazzjonijiet Uniti, Malta ddikjarat li l-komunità internazzjonali għandha d-dmir li tipproteġi popolazzjonijiet mill-ġenoċidju, it-tindif etniku, ir-reati kontra l-umanità, u r-reati tal-gwerra, u ma tistax tħares in-naħa l-oħra meta tiġi ffaċċjata b’avvenimenti bħal dawn. Attakki fuq skejjel, faċilitajiet mediċi, infrastruttura ċivili, u l-użu ta’ armi kimiċi huma kompletament inaċċettabbli, u jikkostitwixxu ksur serju tal-liġi internazzjonali u tal-liġi umanitarja internazzjonali.

Malta enfasizzat ukoll il-fatt li atroċitajiet bħal dawn iwasslu għal spostament sfurzat, u kull sena eluf ta’ nies jiġu mġiegħla jitilqu minn djarhom u minn pajjiżhom sabiex jevitaw il-persekuzzjoni u l-mewt. Filwaqt li għandna d-dmir u r-responsabbiltà li nipproteġu r-refuġjati, il-pressjoni soċjali u ekonomika li flussi migratorji mhux ikkontrollati jista’ jkollhom fuq l-istabbiltà reġjonali u s-sigurtà internazzjonali ma tistax tiġi sottovalutata.


Darren1.jpeg