Bħala r-Rappreżentant Permanent Malti għall-Kunsill tal-Ewropa fi Strasburgu, nagħtikom merħba f’din il-websajt.

Il-Kunsill tal-Ewropa twaqqaf fil-5 ta’ Mejju 1949.  Malta saret membru fid-29 t’April 1965, wara l-kisba tal-indipendenza s-sena ta’ qabel.  Ħafna stati saru membri fid-disgħinijiet wara t-transizzjoni demokratika fil-pajjiżi taċ-Ċentru u l-Lvant tal-Ewropa.  Il-Kunsill tal-Ewropa llum iħaddan 47 stat membru.

Il-Kunsill tal-Ewropa huwa organizzazzjoni internazzjonali li jippromwovi kooperazzjoni bejn l-istati membri f’diversi oqsma fosthom dawk li jikkonċernaw id-drittijiet tal-bniedem, żvilupp demokratiku, l-istat ta’ dritt u kooperazzjoni kulturali.  Permezz tar-Rappreżentazzjoni Permanenti, Malta tieħu sehem u ssegwi x-xogħol tal-Kumitat tad-Deputati tal-Ministri, tad-diversi gruppi tar-rappurtaġġ kif ukoll tal-kumitati ta’ tmexxija.  Kull sena, numru ta’ delegati Maltin ukoll jipparteċipaw fl-iskeda tax-xogħol tal-Kunsill tal-Ewropa.

Malta għandha tliet rappreżentanti u tliet sostituti fl-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa li tadotta riżoluzzjonijiet u rakkommandazzjonijiet fuq suġġetti marbuta mad-demokrazija, drittijiet tal-bniedem u l-istat ta’ dritt.  Il-Qorti tad-Drittijiettal-Bniedem, magħmula minn imħallfin minn kull stat membru, tagħti sentenzi skond il-Konvenzjoni Ewropea fuq id-Drittijiet tal-Bniedem.


Joseph A. Filletti