Merħba fir-Rappreżentazzjoni Permanenti tar-Republika ta’ Malta għan-Nazzjonijiet Magħquda u Organiżżazzjonijiet Internazzjonali f’Ġinevra. Dan is-sit huwa ntenzjonat biex jintroduċi x-xogħol tal-Missjoni Permanenti u kif dan huwa relatat ma’ numru ta’ Organiżżazzjonijiet Internazzjonali u Aġenziji Speċjaliżżati, li joperaw minn Ġinevra. Għal din ir-raġuni, l-Missjoni Permanenti f’Ġinevra tfittex li ssegwi u tieħu sehem f’laqgħat fuq numru ta’ temi importanti li jkunu qegħdin jiġu ndirizzati f’dawn l-organiżazzjonijiet, partikolarment dawk li għandhom rabta mill-qrib mal-objettivi tal-politika barranija ta’ Malta.

Filwaqt li jipprovdi pjattaforma għal diplomazija multilaterali globali, l-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Magħquda f’Ġinevra għandu rwol ċentrali fix-xogħol tan-Nazzjonijiet Magħquda. Dan l-uffiċju jistrieħ fuq ħames oqsma ta’ prijorita’ li ġew identifikati mis-Segretarju Ġeneral tan-Nazzjonijiet Magħquda fl-2012, u li huma ; żvilupp sostenibbli; prevenzjoni; appoġġ lil pajjiżi f’transizzjoni; twettieq ta’ dinja b’aktar sigurta’ u iżjed drittijiet għan-nisa u tfal. Dawn il-miri huma mnebbħa mit-tmien prijoritajiet li l-Istati Membri tan-Nazzjonijiet Magħquda identifikaw fl-Assemblea Ġenerali tan-NM, u li huma: żvilupp sostenibbli; paċi u sigurta’; drittijiet umani; assistenza umanitarja; diżarm; ġustizzja; żvilupp fl-Afrika; kontroll ta’ drogi; prevenzjoni mil-kriminalita’ u l-ġlieda kontra t-terroriżmu.

Mill-Indipendenza tagħha fl-1964 u s-sħubija sussegwenti fin-Nazzjonijiet Magħquda, Malta assigurat post xieraq u rispettat fil-komunita’ internazzjonali permezz ta’ inizzjattivi importanti. Dawn jinkludu: inizjattivi dwar il-Liġi tal-Baħar fejn il-prinċipju tal-Wirt Komuni tal-Umanita’ wassal għal-Konferenza tan-Nazzjonijiet Magħquda dwar il-Liġi tal-Baħar (UNCLOS) u l-addozzjoni tal-Konvenzjoni; l-inizjattiva dwar l-Anzjanita’, li għolliet l-għarfien internazzjonali fejn jidħlu l-bżonnijiet ta’ persuni anzjani u l-impatt li għandhom l-anzjani fuq l-izvilupp; l-inizjattiva dwar il-‘Protezzjoni tal-Klima Globali għall-ġenerazzjonijiet preżenti u tal-futur, li tikarateriżża l-bidla fil-klima bħala tħassib komuni tal-Umanita’ u l-inizjattiva dwar il-protezzjoni ambjentali ta’ spazji extra-territorjali.

Ġinevra tiġbor numru ta’ organiżżazzjonijiet internazzjonali u aġenziji specjaliżżati li jindirizzaw kwistjonijiet f’kuntest globali. Dawn jinkludu, fost ohrajn, il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem (HRC) li jservi bħala l-aktar forum globali importanti fil-promozzjoni u protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem madwar id-dinja; l-UNHCR li tindirizza kwistjonijiet relatati mal-problemi u drittijiet tar-refuġjati ; l-IOM li tindirizza il-fenominu tal-migrazzjoni u l-mobilta’ umana fl-aspetti kollha; l-WHO li tindirizza l-kwistjonijiet kollha relatati mas-saħħa globali; l-WIPO li tindirizza kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ propjeta’ intelletwali; l-ILO li tindirizza drittijiet u kundizzjonijiet tax-xoghol f’kuntest globali; l-UNCTAD li tindirizza materji relatati ma’ kummerċ u żvilupp, partikolarment f’pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw; l-ITU li tindirizza kwstjonijiet fil-qasam tat-telekomunikazzjoniji, l-Konferenza fuq id-Diżarm li għandha responsabilita’ fejn jidħol diżarmament u non-proliferazzjoni. Ġinevra hija wkoll is-sede tal-Organiżżazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO). Dawn huma ftit fost il-ħafna organiżżazzjonijiet li hawn f’Ġinevra.

Il-Missjoni Permanenti tfittex li tippromwovi l-profil ta’ Malta fl-ambitu internazzjonali u multilaterali u bis-saħħa t’hekk, tqajjem kuxjenza u tikseb appoġġ għall-interessi ta’ Malta, filwaqt li żżomm sod mal-prinċipji u l-valuri tal-Karta tan-Nazzjonijiet Magħquda u li b’mod proattiv, tipparteċipa f’viżjoni globali biex tassigura dinja aktar paċifika u sostenibbli għal kulħadd.