Preżentazzjoni ta’ Kredenzjali tal-Ambaxxatur tar-Repubblika ta’ Malta l-E.T. Michael Buhagiar lir-Repubblika tal-Kolumbja

Numru ta' Referenza:  , Data ta' l-Istqarrija : Ott 08, 2019
 

Nhar it-12 ta’ Settembru 2019, l-E.T. Michael Buhagiar bħala Ambaxxatur non-residenzjali tar-Repubblika ta’ Malta għar-Repubblika tal-Kolumbja ppreżenta l-kredenzjali tiegħu lill-E.T. Iván Duque Márquez, President tar-Repubblika tal-Kolumbja, fil-Palazz Presidenzjali, fil-belt kapitali Bogotá.  L-E.T. Buhagiar kien milqugħ mill-Gwardja Presidenzjali f’La Casa de Nariño u l-ħatra tiegħu ġiet milqugħa b’sodisfazzjon mill-President Duque Márquez. 

Waqt diskussjonijiet privati bejn il-President Duque Márquez u l-E.T. Buhagiar, l-Ambaxxatur Buhagiar esprima l-entużjażmu tiegħu li jirrappreżenta lil Malta fil-Kolumbja u wassal it-tislijiet tiegħu f’isem il-President tar-Repubblika ta’ Malta, Dott. George Vella, u l-Prim Ministru ta’ Malta, Joseph Muscat, il-Gvern ta’ Malta u l-Poplu tal-Gżejjer Maltin. Il-President Duque Márquez irreċiproka b’tislijiet simili min-naħa tiegħu. 

L-Ambaxxatur Buhagiar iltaqa’ wkoll mas-Sur Juan Guillermo Castro, Direttur tal-Ewropa fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin tal-Kolumbja, ma’ Jose Manuel Restrepo Abondano, Ministru tal-Kummerċ, Industrija u Turiżmu, l-E.T. in-Nunzju Appostoliku l-Monsinjur Luis Mariano Montemayor (Dekan tal-Korp Diplomatiku), l-Ambaxxatriċi Patricia Llombard, Kap tad-Delegazzjoni tal-UE fil-Kolumbja, is-Sur José Ignacio Argote, Deputat Ministru tal-Iżvilupp Reġjonali u l-Patrimonju fil-Ministru tal-Kultura tal-Kolumbja u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin l-E.T. Carlos Holmes Trujillo, li l-Ambaxxatur Buhagiar ippreżentalu il-copie d’usage.  L-Ambaxxatur Buhagiar kien akkumpanjat mis-Sinjura Rebecca Galea, Counsellor, Ministeru tal-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ.​


Foto Presidencia.jpg