H.E. Is-Sur Paul Mifsud jippreżenta l-copie d’usage tiegħu bħala l-Ambaxxatur il-ġdid tar-Repubblika ta’ Malta għas-Sultanat tal-Oman

Numru ta' Referenza:  , Data ta' l-Istqarrija : Ott 18, 2019
 

Nhar l-Erbgha, 16 ta’ Ottubru 2019, L-Eċċellenza Tiegħu s-Sur Paul Mifsud, l-Ambaxxatur mhux residenti tar-Repubblika ta' Malta ghas-Sultanat tal-Oman, ippreżenta Il-Copie d’ Usage lill-Eċċellenza Tiegħu Sayyid Badr bin Hamad bin Hamood Albusaidi, Segretarju Ġenerali tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin tas-Sultanat tal-Oman, li ghandu r-rank ta' Ministru. Iċ-ċerimonja saret fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin f’ Muscat, il-Belt Kapitali ta’ Oman.

Kemm l-Ambaxxatur kif ukoll is-Segretarju Ġenerali enfasizzaw ir-rabtiet bilaterali b’sahhithom li jikkaratterizzaw ir-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi, filwaqt li irrikonoxxew il-possibbiltà li jkomplu jsahhu dawn ir-rabtiet f’livell aktar għoli.  Dan jista’ jinkiseb billi tiġi msahha l-kooperazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi fl-oqsma kollha rilevanti. Kemm l-Ambaxxatur kif ukoll l-Eċċellenza Tiegħu s-Segretarju Ġenerali esprimew l-impenn tagħhom biex iwettqu dan il-għan.

Min-naħa tiegħu, l-Eċċellenza Tiegħu Sayyid Badr bin Hamad bin Hamood Albusaidi, qal li l-Ambaxxatur se jingħata l-appoġġ u l-ghajnuna kollha biex  jaqdi dmirijietu. Huwa esprima wkoll it-tama tiegħu li tul il-mandat ta’ H.E. is-Sur Paul Mifsud bhala Ambaxxatur, iż-żewġ pajjiżi jkunu jistgħu jsaħħu r-relazzjonijiet bilaterali u jesploraw toroq ġodda ta' kooperazzjoni politika u ekonomika.

L-Ambaxxatur Malti wieġeb billi jesprima l-entużjażmu tiegħu biex jirrappreżenta lil Malta fl-Oman, u esprima l-awguri tieghu f’isem il-President tar-Republika, messaġġ li ntlaqa’ bil-qalb mis-Segretarju Ġenerali. L-Ambaxxatur afferma wkoll l-impenn ta’ Malta biex issahhah ir-relazzjoni ma' Oman fis-setturi politiċi, ekonomiċi u kulturali. Setturi ewlenin, bħalma huma s-settur marittimu, t-turiżmu, u l-edukazzjoni għolja, ġew identifikati bħala l-oqsma fejn wiehed jista’ jesplora li jsahhah dawn ir-relazzjonijiet.  

L-Ambaxxatur Mifsud kellu wkoll laqgħat mal-kap tad-Dipartiment tal-Protokoll tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin tas-Sultanat tal-Oman, mal-Agent Kap tat-Taqsima responsabbli mid-Dipartiment tal-Ewropa tal-Punent tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin tas-Sultanat tal-Oman, kif ukoll mal-Eċċellenza Tiegħu Said bin Hamdoon Al Harthy, Sottosegretarju għall-Portijiet u Affarijiet Marittimi fil-Ministeru tat-Trasport tas-Sultanat tal-Oman.

L-Ambaxxatur kien akkumpanjat minn Mr Andrea De Bono Sant Cassia, Second Secretary fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ tar-Repubblika ta’ Malta.


IMG-20191016-WA0006.jpg


IMG-20191016-WA0002.jpg