L-Ambaxxata ta’ Malta f’Varsavja tipparteċipa fil-‘Warsaw Equality Parade’ u tiltaqa mad-Direttur Eżekuttiv tal-‘Campaign Against Homphobia’

Numru ta' Referenza:  , Data ta' l-Istqarrija : Lul 03, 2019
 

Nhar is-Sibt, 8 ta’ Ġunju, l-Ambaxxatur ta’ Malta f’Varsavja, Dr. John Paul Grech, flimkien mal-istaff, ingħaqdu ma’ ambaxxaturi residenti oħra u pparteċipaw fil-‘Warsaw Equality Parade’ li tinzamm annwalment, fejn lkoll flimkien mxew tul it-triqat ewlenin ta’ Varsavja.

Din is-sena, l-ambaxxata tar-Renju Unit assumiet ir-responsabbilta tal-abbozz, koordinament u tal-ġbir ta’ firem għall-ittra ta’ appoġġ sabiex jitqajjem għarfien pubbliku dwar materji li jaffettwaw il-komunita LGBTI kif ukoll komunitajiet ohra fil-Polonja li qiegħdin jaffaċċjaw sfidi simili.  Malta, flimkien ma 46 ambaxxata oħra u numru ta’ istituzzjonijiet internazzjonali preżenti f’Varsavja, iffirmaw din l-ittra ta’ appoġġ.  L-ambaxxata tar-Renju Unit ikkordinat ukoll il-parteċipazzjoni ta’ membri tal-Ambaxxati residenti f’Varsavja sabiex ikoll flimkien imxew mat-toroq principali tal-belt għal dan il-għan.

Din is-sena, is-Sindku ġdid ta’ Varsavja, Rafal Trzaskowski, estenda s-sostenn tiegħu għall-‘Warsaw Equality Parade u indirizza l-folla fiċ-ċentru tal-belt.  Fl-indirizz tiegħu, fost l-oħrajn, rrefera għal Malta bhala: ‘ l-aktar pajjiz tolleranti u moħħu miftuħ, minkejja l-izgħar, fl-Unjoni Ewropea’, fil-kuntest tar-rikonoxximent u l-appoġġ li l-pajjiz jestendi lejn il-komunita LGBTI.

Sadanittant, nhar it-Tlieta, 11 ta’ Ġunju, id-Direttur Eżekuttiv tal-‘Campaign Against  Homophobia – Together We Can Achieve More’, Vyacheslaw Melnyk, iltaqa mal-Ambaxxatur Grech fl-Ambaxxata ta’ Malta f’Varsavja. Għan-nom tal-organizazzjoni li huwa jmexxi, huwa esprima l-apprezzament tiegħu għall-inizjattiva ta’ Malta tul dawn l-aħħar snin sabiex tiġi promossa l-ugwaljanza.  Huwa rrefera għall-leġislazzjoni avvanzata li tħaddan Malta f’dan ir-rigward, kif ukoll għar-rwol importanti li Malta assumiet f’dak li għandu x’jaqsam mal-promozzjoni tal-ugwaljanza fi sferi reġjonali u nternazzjonali.  Semma ukoll l-appoġġ importanti li jirċievu organizazzjonijiet Pollakki minn organizazzjonijiet Maltin f’dan il-qasam.

L-Ambaxxatur Grech tenna l-intenzjoni sħiħa ta’ pajjizna li jkompli bil-hidma tiegħu sabiex jibqa jippromovi l-valuri tal-ugwaljanza, it-tgawdija tal-opportunitajiet indaqs u li jibqa jaħdem bis-sħiħ sabiex jinħoloq ambjent mingħajr diskriminazzjoni, aktar tolleranti u fejn kulhadd huwa aċċettat kif inhu. Fl-ahhar nett, l-Ambaxxatur Grech wiegħed l-appoġġ tal-Ambaxxata ta’ Malta ġewwa Varsavja favur il-promozzjoni tal-objettivi tal-‘Campaign Against Homophobia’. ​ 


equalitywarsaw1.jpg


equalitywarsaw2.jpg


equalitywarsaw3.jpg