Ċelebrazzjoni ta’ Jum Malta f’Madrid

Numru ta' Referenza:  , Data ta' l-Istqarrija : Set 24, 2019
 
Nhar il-Ħamis, 19 ta’ Settembru 2019, l-Ambaxxatur ta’ Malta għal Spanja, Vanni Xuereb, u żewġu Charlò Baldacchino, ospitaw riċeviment fir-residenza uffiċjali tagħhom f’Madrid fl-okkażjoni tal-55 anniversarju mill-indipendenza ta’ Malta. Fost il-mistednin kien hemm il-Ministru Spanjol ghax-Xjenza, l-Innovazzjoni u l-Universitajiet, Pedro Duque, id-Direttur Ġenerali għall-Ewropa fil-Ministeru tal-Affarjiet Barranin, Unjoni Ewropea u Kooperazzjoni ta’ Spanja, Aurora Mejía Errasquín, ambaxxaturi ta’ pajjiżi oħra u organiżazzjonijiet internazzjonali akkreditati għal Spanja, il-konsli onorarji ta’ Malta fi Spanja, numru ta’ Maltin li huma residenti fi Spanja u ħbieb ta’ Malta.

Wara d-daqq tal-innijiet nazzjonali ta’ Spanja u ta’ Malta, u tal-innu Ewropew, l-Ambaxxatur għamel diskors qasir bl-Ispanjol fejn wassal il-messaġġ ta’ din is-sena għal Jum Malta tal-Ministru għall-Affarjiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ, Carmelo Abela. L-ambaxxatur tkellem ukoll dwar il-ħidma tal-ambaxxata biex issaħħaħ ir-relazzjonijiet eċċellenti bejn Malta u Spanja.


Lejn tmiem id-diskors tiegħu, l-Ambaxxatur Xuereb ħabbar il-ħatra formali ta’ Juan Ignacio Alonso Dregi bħala l-Konslu Onorarju ġdid ta’ Malta f’Barċelona, u ppreżentalu l-Ittra tal-Ħatra mill-President ta’ Malta u d-dokument iffirmat mir-Re Filippu VI ta’ Spanja li permezz tiegħu qed jagħti l-kunsens tiegħu u jordna li din il-ħatra tidħol fis-seħħ.


Wara d-diskors, dawk preżenti kienu mistiedna għal buffet imħejji apposta għall-okkażjoni mis-Sur Baldacchino.



20190919JR_1449.jpg


20190919JR_1500.jpg


20190919JR_1552.jpg


20190919JR_1578.jpg