L-Ambaxxatur jiltaqa’ mal-membri tal-Għaqda Maltija-Ġermaniża u jirringrazzjahom għax-xogħol kbir li jwettqu

Numru ta' Referenza:  , Data ta' l-Istqarrija : Aww 05, 2019
 

L-Ambaxxatur Dr. Albert Friggieri attenda l-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-Għaqda Maltija-Ġermaniża (DMG) tal-Ġermanja. L-Għaqda tlaqqa’ l-membri tagħha għal-laqgħa ġenerali annwali f’Lulju. Dr. Friggieri ħa sehem ukoll f’sessjoni tal-kumitat li saret qabel il-laqgħa annwali. Bil-preżenza tiegħu l-Ambaxxatur ried jesprimi l-apprezzament tiegħu għax-xogħol kbir li twettaq id-DMG. Huwa rringrazzja lill-President, is-Sur Christian Launer, lill-kumitat u lill-membri tal-Għaqda. Kollha voluntiera.

L-Ghaqda regolarment torganizza esibizzjonijiet minn artisti Maltin u attivitajiet li jagħtu pubbliċita lil Malta fil-Ġermanja, tgħin fl-iskambjar ta’ żgħażagħ u lill-klassijiet minn skejjel Ġermaniżi biex joffru ġiti ta’ studju lejn Malta u tiffaċilita kuntatti bejn individwi u gruppi miż-żewġ pajjiżi. Tippubblika wkoll fuljett attrajenti b’informazzjoni erba’ darbiet fis-sena u toffri vjaġġi lill-membri tagħha, kemm lejn Malta kif ukoll lejn bliet u reġjuni b’konnessjoni mal-Ordni tal-Kavallieri. L-għaqda hija bbażata fil-belt ta’ Adenau, mhux bogħod minn Coogne u Bonn. Kienu Dr. Albert Friggieri u l-ex sindku ta’ Adenau Bernd Schiffarth li għall-ewwel darba, fl-1986, ħarġu bl-idea li titwaqqaf għaqda Maltija-Ġermaniża fil-Ġermanja. Adenau għanda wkoll ftehim ta’ ġemellaġġ mal-Mellieħa.

Fir-ritratt (mix-xellug għal-lemin): Is-senior lecturer irtirat Joachim Speck; is-sindku preżenti tal-belt ta’ Adenau, Arnold Hoffmann; it-teżorira tal-DMG Gisela Reichrath; l-Ambaxxatur Dr. Albert Friggieri; il-President tal-DMG Christian Launer; il-pastor irtirat u segretarju tal-kumitat Peter Blecker; l-ex diplomatiku u storiku Dr. Dieter Bangert; il-Viċi President Hannelore Stetter, u l-Kavallier tal-Ordni ta’ San Ġwann, Friedrich Adolph Freiherr von Dellinghausen. L-ex sindku ta’ Adenau, Bernd Schiffarth, u l-membru tal-Ordni tal-kavallieri ta’ Malta, Christoph Freiherr von Lüninck, li flimkien mal-ambaxxatur jiffurmaw il-bord konsultattiv, ma setgħux jattendu għal-laqgħa ġenerali ta’ Bonn.


DMG TEST 2 (2).jpg