L-ewwel “Mediterranean Summit” f’Berlin

Numru ta' Referenza:  , Data ta' l-Istqarrija : Set 19, 2019
 

L-ambaxxatur Dr Albert Friggieri kien mistieden jattendi l-ewwel “Mediterranean Summit” organizzat mill-EMA, l-Assoċjazzjoni Ewropa-Mediterran-Pajjiżi Għarab li saret f’Berlin. L-għan tal-EMA, li hija bbażata fil-Ġermanja, huwa li tippromovi l-koperazzjoni bejn l-Ewropa minn naħa u r-reġjuni tan-Nofs in-nhar tal-Mediterran u l-Lvant Nofsani minn naħa l-oħra. Delegati minn ministeri Ġermaniżi, ambaxxaturi ikkreditati għar-Repubblika Federali, rappreżentanti minn diversi kmamar tal-Kummerċ u Industrija kif ukoll numru kbir ta‘ kumpaniji ħadu sehem fil-konferenza.

It-tahdita principali taha Dr. Fathhallah Sijilmassi, li kien is-Segretarju Generali tal-Unjoni għall-Mediterran, li ffoka fuq ix-xogħol li għamlet l-Unjoni biex issaħħaħ il-koperazzjoni reġjonali u fuq xi wħud mill-isfidi prinċipali li kellha tiffaċċja. Fost il-kelliema l-oħra kien hemm l-ex Prim Ministru tal-Ġordan, Dr Jawad Al Anani, u s-Sur Gunrger Beger mill-Ministeru Ġermaniż għall-Koperazzjoni Ekonomika u l-Iżvilupp. Is-sitwazzjoni ekonomika fil-Mediterran kienet is-suġġett ta’ diskussjoni minn panel li kien jinkludi rappreżentanti mill-Kmamar tal-Kummerċ u Industrija mil-Libja u l-Italja, il-programm Ġermaniz-Għarbi “Ouissal” u l-ambaxxatur Ġermaniż ghat-Tuneżija Dr Andreas Reinicke.

Meta kien mitlub jagħmel stqarrija qasira waqt il-konferenza, Dr. Friggieri qal li huwa japprezza laqgħat bħal dawn li għandhom l-għan li jibnu pont bejn ix-xtut tan-naħa ta’ fuq u dawk tan-naħa t’isfel tal-Mediterran.  Huwa semma kif il-kultura Maltija tirrifletti l-pożizzjoni strateġika ta’ Malta eżatt fil-qalb tal-Mediterran u l-istorja twila ta’ kuntatti mal-ġirien Ewropej fit-tramuntana u l-ġirien Għarab fin-Nofs in-nhar. Saħaq li Malta għandha relazzjonijiet ta’ ħbiberija mal-ġirien kollha tagħha u li dejjem għamlet l-almu tagħha kollu biex fil-Mediterran issaltan il-paċi.

 

EMA 1 (1).jpg

Dr. Fathhallah Sijilmassi waqt it-taħdita tiegħu

 

EMA 1 (2).jpg

Dr. Albert Friggieri flimkien mas-Sinjura Gabriele Gabriele Groneberg, President tal-EMA u ex-membru tal-Bundestag; is-Sinjura Ilona Wiener, President tal-Federazzjoni tal-Għaqdiet Binazzjonali (lemin); and s-Sur Tarek Al Mabrouk, konsulent tal-EMA (xellug)