Il-Band ta’ Sandro Żerafa Issemma’ l-Kompożizzjonijiet Ġodda Tagħha fi Vjenna

Numru ta' Referenza:  , Data ta' l-Istqarrija : Ġun 27, 2019
 

Fit-13 ta’ Ġunju 2019, l-Ambaxxata ta’ Malta fi Vjenna flimkien mal- Band ta’ Sandro Żerafa, organizzat kunċert tal-Jazz.  Żerafa li mużiċista rinomat fuq il-livell internazzjonali fix-xena tal-Jazz daqq kompożizzjonijiet ġodda mill-album li ser joħrog fil-futur qarib. Il-Band daqqet ukoll mużika mill-album ‘More Light’, album li kien milqugħ tajjeb ħafna mill-esperti tal-Jazz. Il-kunċert kien organizzat ġewwa ‘Porgy and Bess Music and Jazz Club’ li huwa meqjus bħala l-qalba tax-xena tal-mużika Jazz fi Vjenna.

L-Onor. Dott. Helena Dalli, Ministru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza, li dakinhar filgħodu ndirizzat b’diskors ewlieni l-Konferenza tad-Drittijiet tal-Bniedem waqt il-‘EuroPride’ fi Vjenna, kienet ukoll preżenti għal dan il-kunċert.   

L-Ambaxxatriċi Natasha Meli Daudey irringrazzjat lill-Fond tad-Diplomazija Kulturali tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ tar-Repubblika ta’ Malta, lill-Ajruport Internazzjonali ta’ Vjenna u lill-‘Porgy and Bess Jazz and Music Club’ għas-sehem u l-assistenza tagħhom fl-organizzazzjoni ta’ dan il-kunċert.  

Flimkien mal-kunċert ta’ mużika klassika li l-Ambaxxata organizzat is-sena li għaddiet fid-29 ta’ Settembru, dan il-kunċert tal-Jazz kompla jsaħħaħ l-impenn tal-Ambaxxata biex jitqanqal aktar għarfien barra minn Malta dwar ir-rikezza tal-mużiċisti Maltin f’diversi stili ta’mużika differenti.​


64509246_10161888298940361_3600843496556068864_n.jpg


62539010_10161888360205361_3787527694640480256_n.jpg


64305950_10161888298100361_4486110181238767616_n.jpg


62425997_10161888360160361_4768605066653335552_n.jpg


64246095_10161888297140361_479492146085232640_n.jpg


64672173_10161888297280361_7039646608702570496_n.jpg