Jum Malta iċċelebrat għall-ewwel darba fl-Alġerija

Numru ta' Referenza:  , Data ta' l-Istqarrija : Ott 01, 2019
 

Nhar it-Tnejn, 23 ta’ Settembru 2019, l-Ambaxxatur ta’ Malta għall-Aġerija l-E.T. Philomena Meli u żewġha s-sur Charles Meli, ospitaw riċeviment flimkien mal-Konslu s-Sur Ivan Vassallo, l-Attaché Kummerċjali s-Sur Gerolamo Spiteri u l-konsulent estern ta’ TradeMalta s-Sur Mahfoud Dorbhan fil-Lukanda Sofitel ġewwa l-belt ta’ Alġiers fl-okkażjoni tal-55 anniversarju mill-Indipendenza ta’ Malta. Din kienet l-ewwel darba li ġie ċċelebratat l-Jum Nazzjonali ta’ Malta fl-Alġerija.

Aktar minn 150 mistednin kienu preżenti għal dan ir-riċeviment. Il-Gvern Alġerin kien irrapreżentat uffiċjalment mill-Ministru għat-Telekomunikazzjoni, l-E.T. Houda Imane Feraoun u l-Ministru tat-Trasport u Xogħolijiet Pubbliċi, l-E.T. Mustapaha Kouraba. Preżenti għal din l-okkażjoni kien hemm ukoll ufficjali għolja tal-Gvern u l-korp diplomatiku Alġerin, diplomatiċi ta’ pajjiżi oħra u rappreżentanti ta’ organiżazzjonijiet internazzjonali akkreditati għall-Alġerija, flimkien ma' membri tal-Kamra tal-Kummerċ tal-Alġerija u għaqdiet kummerċjali oħra, u ma’ numru ta’ imprendituri Maltin u Alġerini.

 Wara li ndaqqu l-innjiet nazzjonali ta' Malta u tal-Algerija, intwera l-vidjo bil-messaġġ annwali tal-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ, l-Onor. Carmelo Abela, għas-sena 2019.

L-Ambaxxatur Meli għamlet diskors bil-Franċiż fejn enfasizzat il-mixja ta’ Malta lejn l-Indipendenza. Hija tkellmet fuq kif  ir-relazzjonijiet bilaterali bejn iż-żewġ pajjiżi matul dawn l-aħħar erbgħajn sena fejn komplew jissaħħu f’dawn l-aħħar snin biż-żjara uffiċjali fl-Alġerija tal-Prim Ministru l-Onor. Joseph Muscat f'Diċembru 2015 u ż-żjara Statali milll-President ta' Malta ta’ dak iż-żmien, l-E.T. Marie Louise Coleiro Preca, bilkemm xahar wara f'Jannar 2016. Il-ftuħ tal-Konsulat fl-2014 u ż-żjarat ta’ bosta delegazzjonijiet tan-negozju organizzati mill-Malta Enterprise u TradeMalta komplew issaħħu dawn ir-relazzjonijiet bejn Malta u l-Alġerija fejn komplew jiġu esplorati toroq ġodda għall-koperazzjoni.

 L-Ambaxxatriċi Meli semmiet ukoll bosta inizzjativi fosthom l-Kummissjoni Konġunta bejn Malta u l-Alġerija li regghet iltaqgħet f’Malta f’Diċembru tal-2018 wara nuqqas ta- 30 sena u t-tmiem tan-negozjati fuq bosta trattati bilaterali fosthom dak tal-ħelsien mit-taxxa doppja. L-Ambaxxatriċi Meli għamlet ukoll referenza għall-istorja parallela bejn iż-żewġ pajjiżi u d-djaspora mdaqqsa tal-Maltin fl-Alġerija fi tmiem is-seklu dsatax. Hija wkoll fakkret il-memorja tas-sur Georges Omar Pisani magħruf bħala “George il-Malti” li halliena aktar kmieni din is-sena. Is-Sur Pisani kien wild emigranti Maltin, mwieled fl-1934.

Wara d-diskors, inqasam kejk għall-okkażżjoni tal-55 sena mill-indipendenza.


DSC_9479.jpg 
 

 
DSC_9536.jpg 
 


DSC_9546.jpg 
 

 
MAS_2124_Moment.jpg 
 


MAS_2131_Moment.jpg 
 


MAS_2131_Moment1.jpg