Enfażi fuq il-Kultura, Turiżmu u Investiment mill-Ambaxxata Maltija f’Lisbona

Reference Number:  , Press Release Issue Date: Nov 17, 2011
 

L-Ambaxxatur Malti għal Portugal, is-Sur Simon Pullicino kellu laqgħat separati mal-President Eżekuttiv u s-Segretarju Ġenerali ta’ l-AICEP, l-Aġenzija ta’ Investiment u Kummerċ Estern tal-Portugal. Huwa kellu wkoll laqgħat mal-President u s-Segretarju Ġenerali tal-Kamra tal-Kummerċ Portugiża bl-iskop li jiżdiedu l-iskambji u l-opportunitajiet kummerċjali bejn iż-żewġ pajjiżi. Ġiet diskussa ukoll l-possibilita li tiġi organiżżata delegazzjoni lejn Malta ta’ kummerċjanti Portugiżi.

F’Novembru, ġie organiżżat working lunch mall-Konsli Onorarji fil-Portugal fejn ġie diskuss it-tisħiħ tal-relazzjonijiet ekonomiċi bejn iż-żewġ pajjiżi, kif ukoll il-ħolqien ta’ Kamra tal-Kummerċ Portugiża-Maltija. Fl-istess xahar, l-Ambaxxatur Pullicino għamel żjara ta’ kortesija fil-Kwartieri Ġenerali tal-Banif Bank f’Lisbona.

F’Awissu, f’laqgħa bejn is-Segretarju ta’ l-Istat għall-Enerġija, Henrique Joaquim Gomes, u l-Ambaxxatur Pullicino, ġiet diskussa l-intensifikazzjoni tal-kooperazzjoni bejn iż-żewg pajjiżi f’dan il-qasam. Dan wara li kien ġie ffirmat Memorandum of Understanding f’Novembru 2010 ta’ kooperazzjoni fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli. B’riżultat ta’ dan, ġew appuntati uffiċjali għolja fiż-żewġ Ministeri bl-iskop li jaħdmu biex ikattru l-kooperazzjoni mhux biss bejn iż-żewġ pajjiżi, iżda anke mal-pajjiżi ġirien fil-reġjun.

Ingħataw tliet intervisti lill-rivisti Portugiżi Tursiver (fi Frar), Ambitur (f’Marzu) u Vida Economica f’Porto (f’Ġunju) fuq il-potenzjal turistiku w kummerċjali ta’ pajjiżna.

L-Ambaxxata ippartecipat f’diversi avvenimenti bħas-sessjoni annwali tal-Golf Diplomacy fl-Algarve fl-aħħar ta’ April, konferenza fuq ir-relazzjonijiet bejn Malta u l-Portugal minn kittieb storiku u studjuż, Pedro d’ Avillez, f’ Ġunju (bl-għajnuna ta’ Paul Bernard, ċittadin Malti residenti fil-Portugal) u organizzat laqgħa fl-Ambaxxata, fit-30 ta’ Marzu, mar-rappreżentanti tas-Soċjeta Storika Portugiża, Amigos dos Castelos, li eventwalment żaru Malta f’April.

Iktar kmieni din is-sena, l-Ambaxxatur Pullicino attenda għal programm kulturali internazzjonali “Ruta Quetzal” bil-parteċipazzjoni attiva ta’ madwar 250 żagħżugħ u żagħżugħa minn 52 pajjiż, fosthom żagħżugħa Maltija mill-Mosta, Kimberly Cassar. F’ Settembru, l-Ambaxxatur Pullicino attenda wkoll avveniment kulturali fl-Universita ta’ Lisbona  organiżżat mill-Professur Joseph Mifsud, President ta’ l-Universita Ewro Mediterranja fis-Slovenja, bil-parteċipazzjoni tal-Eks President tal- Portugal, Jorge Sampaio.