Is-Segretarju Ġenerali tal-Commonwealth tiddeskrivi lil Malta bħala pajjiż mudell, fil-ħidma tal-Commonwealth Small States

Reference Number:  , Press Release Issue Date: Aug 01, 2019
 

Video link - https://www.youtube.com/watch?v=4CKo43GvkZM


Waqt laqgħa bilaterali mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ Carmelo Abela, is-Segretarju Ġenerali tal-Commonwealth Patricia Scotland iddeskriviet lill-pajjiż bħala mudell fejn tidħol il-ħidma pożittiva li qed issir mill-Ministeru ghall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerc fil-Commomwealth, b’mod partikolari fejn jidħol iċ-Ċentru ta’ Eċċellenza tal-Istati Żgħar tal-Commonwealth

 

Dan ġie mwaqqaf f’Malta, taħt ir-responsabbiltà tal-ministeru, wara ċ-CHOGM 2015, bl-għan li jipprovdi appoġġ u kapaċità lil stati membri żgħar tal-Commonwealth sabiex jintlaħqu l-miri tas-Sustainable Development Goals tan-Nazzjonijiet Uniti.

 

Il-Ministru Carmelo Abela semma l-ħidma li saret minn dan iċ-ċentru fil-qasam tat-tibdil tal-klima u ta’ kif jistgħu jiġu utilizzati strumenti bħall-Climate Finance, għall-ġlieda kontra l-effetti tat-tibdil fil-klima, liema effetti se jaffetwaw l-iżjed lil stati membri żgħar, meqjusa bħala l-iżjed vulnerabbli. 

 

Il-ministru semma li wara ż-żewġ konferenzi li saru fl-aħħar xhur f’Malta b’din it-tema, il-ministeru jinsab determinat li jinżamm il-momentum għoli, u permezz ta’ iżjed kooperazzjoni mas-Segretarjat tal-Commonwealth, fil-futur ikomplu jittieħdu iżjed inizjativi favur l-iżvilupp sostenibbli.

 

Huwa rrimarka dwar il-ħtieġa u r-rieda mingħand membri stati żgħar sabiex jingħataw iżjed riżorsi għat-tisħiħ u l-iżvilupp tal-kapaċitajiet f’dawn il-pajjiżi. Għal dan il-għan, ġie maqbul li Malta u l-Commonwealth ser jaħdmu id f’id sabiex itellgħu avveniment sekondarju waqt il-ġimgħa ministerjali tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti ġewwa New York fl-aħħar ta’ Settembru li ġej.

 

Il-Ministru Abela qal li dan it-tip ta’ avveniment huwa mistenni li jkompli jibni fuq il-momentum li diġà beda jinbena wara ż-żewġ konferenzi li saru Malta fuq din it-tema f’Ġunju li għadda. Ma’ Malta u s-Segretarjat tal-Commonwealth huma mistennija li jissieħbu pajjiżi oħra minn reġjuni ġeografiċi differenti tal-Commonwealth fl-organizzazzjoni ta’ dan l-avveniment sekondarju ta’ livell għoli.

 

Il-Ministru Abela kkonkluda billi qal li ċ-Ċentru ta’ Eċċellenza tal-Istati Żgħar tal-Commonwealth, ser ikun qed ikompli bil-ħidma biex jassisti lill-istati żgħar u vulnerabbli biex jibnu u jiżviluppaw il-kapaċitajiet u riżorsi interni.  Huwa tajjeb li wieħed jinnota illi 31 minn 39 stati żgħar fid-dinja huma msieħba fil-Commonwealth.

 

Il-Ministru Abela u Patricia Scotland tkellmu wkoll fuq il-ħidma attiva li qed issir minn Malta fejn jidħlu it-2030 Sustainable Development Goals bil-għan li jinħoloq futur sostenibbli għal kulħadd f’oqsma bħall-povertà, l-inugwaljanza, it-tibdil tal-klima u l-paċi flimkien mal-ICT u l-innovazzjoni.

 

Il- Ministru Abela saħaq wkoll dwar l-importanza li l-Commonwealth taħdem u tistinka aktar fuq it-tkattir ta’ mpjiegi f’pajjiżi membri fejn hemm maġġoranza ta’ popolazzjoni żagħżugħa.

 

Il-Ministru Abela u Patricia Scotland qalu li jħarsu ‘l quddiem għal ħidma proattiva lejn ir-Rwanda CHOGM 2020 partikolarment fejn jidħlu l-oqsma identifikati bħala ta’ prijorità li huma l-marittimu, l-edukazzjoni, stati żgħar u tibdil fil-klima.





pr191691a.JPG 


pr191691b.JPG


pr191691c.JPG