Diskors mill-Onor. Carmelo Abela Ministru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ fl-okkażjoni ta’ Jum il-Commonwealth 2019

Reference Number:  , Press Release Issue Date: Mar 16, 2019
 

Diskors mill-Onor. Carmelo Abela

Ministru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ

fl-okkażjoni ta’ Jum il-Commonwealth 2019


Il-Ġimgħa, 15 ta’ Marzu 2019 - Il-Parlament ta’ Malta



Onorevoli Speaker, għeżież studenti u għalliema.

 

Din is-sena Jum il-Commonwealth huwa speċjali. Qed niċċelebraw 70 sena ta’ ħbiberija u għaqda bejn il-pajjiżi tal-Commonwealth, bittema tant xierqa ta’ ‘A connected Commonwealth’.

 

 

Il-Commonwealth kif nafuh illum twaqqaf fl-1949. Illum il-ġurnata jiġbor fih 53 pajjiż minn madwar id-dinja kollha: mill-Ewropa, mill-Asja, mill-Afrika, mill-Karibew, mill-Paċifiku, u mill-kontinent Amerikan.

 

 

Permezz tal-konnessjoni ta’ bejniethom fi ħdan il-Commonwealth, dawn il-pajjiżi kollha nsibu l-mezzi kif naħdmu flimkien biex intejbu l-ħajja ta’ niesna. Dan nagħmluh b’diversi modi: laqgħat fl-ogħla livelli tal-gvernijiet - bejn kapijiet ta’ Stat jew Gvern, u bejn Ministri - kif ukoll fil-livell eżekuttiv u permezz ta’ assistenza teknika. Insemmu wkoll l-iskambju ta’ nies u l-boroż ta’ studju, fost oħrajn.

 

 

Matul is-snin, il-pajjiżi tal-Commonwealth bdew jifirxu aktar l-oqsma ta’ koperazzjoni bejniethom: mill-edukazzjoni għall-ugwaljanza, issaħħa, l-ambjent, u l-ibħra. Il-koperazzjoni kompliet tikber ukoll filqasam tal-kummerċ u tal-investiment, biex ninċentivaw it-tkabbir ekonomiku.

 

 

Hawnhekk ta’ min insemmu l-Forum tal-Commonwealth dwar in-Negozju, li jlaqqa’ flimkien rappreżentanti tan-negozju u tal-gvernijiet tal-pajjiżi tal-Commonwealth bil-għan li jikber in-negozju bejn il-pajjiżi membri u jissaħħaħ l-iżvilupp sostenibbli.

 

 

B’mod partikolari, il-Commonwealth tal-lum qed taħdem favur ilparteċipazzjoni tan-nisa, taż-żagħżagħ, u tal-komunitajiet emarġinati. Barra minn hekk, kull 4 snin, il-pajjiżi tal-Commonwealth jorganizzaw il-logħob tal-Commonwealth, li fihom jipparteċipaw atleti mill-pajjiżi kollha.

 

 

Il-Commonwealth tal-lum hija assoċjazzjoni magħquda fuq il-bażi talvaluri u l-prinċipji tal-Karta tal-Commonwealth. Iżda, fuq kollox, issuċċess tal-Commonwealth huwa bbażat fuq il-konsultazzjoni bejn ilmembri tagħha: pajjiżi ħielsa u ndaqs fil-vuċi tagħhom fi ħdan din ilkomunità dinjija.

 

 

Malta ngħaqdet mal-Commonwealth malli kisbet l-Indipendenza, 55 sena ilu. Minn dak iż-żmien ’l hawn, ospitajna żewġ laqgħat tal-Kapijiet ta’ Stat jew Gvern tal-Commonwealth, magħrufin bħala ċ-CHOGM, kif ukoll bosta laqgħat oħra f’livell Ministerjali u f’livell tekniku.

 

 

Fl-aħħar CHOGM li sar f’Malta, fl-2015, ilqajna 52 kap ta’ Stat jew Gvern, u delegazzjonijiet minn bosta pajjiżi tal-Commonwealth. Għallewwel darba fl-istorja tal-Commonwealth, f’Malta, tlaqqa’ l-Forum tal-Commonwealth dwar in-Nisa. Aħna kburin li ġie deċiż li dan il-Forum jitlaqqa’ qabel kull CHOGM. Dan huwa Forum li jenfasizza lkontribut politiku, ekonomiku u soċjali tan-nisa madwar il-Commonwealth, kif ukoll il-bżonn li l-ugwaljanza bejn is-sessi u ttisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa jkunu integrati fl-iżvilupp ta’ soċjetajiet sostenibbli u reżiljenti fil-Commonwealth.

 

 

Mis-sena l-oħra, Malta bdiet tospita c-Ċentru ta’ Eċċellenza tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Commonwealth. Dan iċ-Ċentru diġà huwa operattiv u qed jorganizza għadd ta’ korsijiet f’diversi oqsma bħall-governanza talibħra, il-bidla fil-klima, is-sorveljanza u l-monitoraġġ tal-miri taliżvilupp sostensibbli, l-ugwaljanza bejn is-sessi, u t-taħriġ fuq negozjati internazzjonali.

 

 

Malta qed tospita ukoll il-Faċilità Finanzjarja tal-Kummerċ tal-pajjiżi ż-Żgħar tal-Commonwealth, li mistennija jkollha rwol importanti filfinanzjament tal-kummerċ u l-investiment għal pajjiżi żgħar tal-Commonwealth li għandhom aċċess limitat għall-finanzjament kummerċjali internazzjonali.

 

 

Fl-istess waqt, Malta qed tkompli toffri boroż ta’ studju lil student mill-Commonwealth li jixtiequ jkomplu l-istudji tagħhom fil-livell tal-Master’s. Filwaqt li, għall-ewwel 3 edizzjonijiet, dawn il-boroż ta’ studju ngħataw lil studenti mill-Ghana u min-Niġerja, mis-sena ddieħla se niftħu din l-opportunità għal studenti min-Namibja.

 

 

Ta’ min jiftakar li l-Commonwealth għandha popolazzjoni ta’ aktar min 2.4 biljun ruħ, u aktar minn 60 fil-mija ta’ dawk it-2.4 biljun ruħ għandhom inqas minn 30 sena.



Għaldaqstant, hemm bżonn li l-Commonwealth iżżid l-edukazzjoni u t-taħriġ taż-żagħżagħ fi ħdanha, kif ukoll l-involviment tagħhom filħajja politika, sabiex nassiguraw futur prosperu u sigur.

 

 

Onorevoli Speaker, għeżież studenti u għalliema;

 

Wara li ospitat iċ-CHOGM fl-2015, Malta ġeddet l-impenn tagħha favur Commonwealth prosperu, u minn dak iż-żmien ħadmet bla heda għal dan il-għan. Nixtieq, f’dan il-kuntest, nagħlaq dawn ilkelmtejn billi ntenni l-impenn ta’ Malta fi ħdan il-Commonwealth.

 

 

L-impenn tagħna se nkomplu nagħtuh sabiex nassiguraw li l-Commonwealth ikompli jkun fuq quddiem fl-assistenza lill-pajjiżi membri fl-iżvilupp sostenibbli tagħhom, għax nemmnu li l-aqwa investiment li nistgħu nagħmlu hu dak li nnisslu l-valur edukattiv u ċiviku fiż-żgħażagħ tagħna.

 

 

Malta tibqa’ tagħmel enfasi partikolari fuq il-31 Stat żgħir tal-Commonwealth u l-ġenerazzjonijiet futuri tagħhom. Hekk kif dawn l-isforzi ta’ Malta fi ħdan il-Commonwealth ikomplu jissaħħu, aħna se nkomplu ninvestu f’ din il-familja ta’ pajjiżi sabiex nilħqu l-miri li identifikajna flimkien għall-ġid taż-żagħżagħ tagħna – u, allura, għallġid tal-preżent u tal-futur tagħna.

 

 

Grazzi